L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ippreżentat pjan għal Malta sabiex l-ekonomija tal-pajjiż tirkupra fid-dawl tal-kriżi tal-Coronavirus. Saret konsultazzjoni wiesa’ ma' setturi ekonomiċi u soċjali u qed tipproponi politika tal-ġid komuni permezz ta’ kontribut dirett fit-tfassil tar-recovery plan mill-kriżi ekonomika li ninsabu fiha. L-Oppożizzjoni qed tipproponi li din il-ħidma ma’ tkunx ristretta biss għall-partiti politiċi iżda li ġġib flimkien ukoll lill-imsieħba ewlenin kollha nkluż korpi kostitwiti, unjins u s-soċjeta’ ċivili.
Kif spjegajt f'artiklu f'The Malta Independent bl-isem ta' 'A Social Pact for Workers Day' u fil-blog tiegħi, huwa imperattiv li f'dan il-mument diffiċli pajjiżna jaddotta b'mod konsistenti politika ta' deliberazzjoni u konsultazzjoni wiesgħa, ibbażata fuq l-evidenza f'oqsma varji. Għal darb'oħra l-Opożizzjoni qed toffri l-id tal-ħbiberija lill-Gvern.
Hekk kif il-poplu Malti qed jerġa jara żieda inkwetanti ta' persuni infettati bil-Coronavirus kif ukoll sfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali, il-Gvern għandu jilqa' l-istedina biex naffrontaw il-kriżi bħala poplu magħqud. Nittama ukoll li r-riforma kostituzzjonali tkun waħda inklussiva u deliberattiva.