Skont il-Eurostat, Malta kellha t-tmien l-iktar rata għolja (1.1%) ta' inflazzjoni annwali fl-Unjoni Ewropea, li hi iktar għolja anke mill-medja Ewropea ta' 0.7%. Filwaqt li din hi marġinalment iktar baxxa mir-rata ta' Marzu (1.2%), fuq medda ta' sena, il-'moving average rate' ta' Malta hi ta' 1.5%, li skont l-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika tofri kejl li hu inqas sensittiv għal tibdil temporanju fil-prezzijiet.
Ta' min jinnota li fuq medda ta' sena, Malta kellha l-ikbar żidiet fil-prezzijiet fl-ikel u xorb non-alkoħoliku, u l-akbar tnaqqis fil-prezzijiet ta' l-edukazzjoni. Fuq medda ta' xahar, il-prezzjijiet f'Malta għolew l-iktar fir-restoranti u lukandi u naqsu l-iktar fl-edukazzjoni.
Sa dan it-tant, qabel tfaċċat il-pandemija tal-Coronavirus, kien hemm bosta appelli lill-Gvern minn sħab soċjali, esperti u għaqdiet non-governattivi sabiex ikun hemm reviżjonijiet fil-mod kif jiġi kkalkulat il-kumpens għall-għoli tal-ħajja u d-dħul tal-ħaddiema u anzjani. Waqt il-pandemija, apparti l-politika tal-Gvern, ġew varati numru ta' proposti mill-Oppożizzjoni, Sħab Soċjali u għaqdiet non-governattivi.
Nifhem li bosta prezzijiet għoljin qed jiġu impurtati minn barra, iżda tajjeb li jkun hemm assessjar soċjali u ekonomiku ta' l-impatt ta' l-għoli tal-ħajja fuq persuni minn gruppi u kategoriji soċjali differenti. Dan jista' jiġi kkumisjonat mill-MCESD. Ftit ġimgħat ilu l-Anti Poverty Forum irrakomanda li jitwaqqaf Istitut ta’ Riċerka kompetenti biex jimmonitorja kwistjonijiet relatati mal-faqar u jagħti rakkomandazzjonijiet bikrija biex jinbidlu l-policies sabiex l-impatt tal-pandemija fuq il-vulnerabbli ikun imnaqqas kemm jista’ jkun malajr. Sa llum ma kien hemm l-ebda feedback pubbliku mill-Gvern dwar dan.