Dawn l-aħħar
ġimgħat kelli l-opportunita’ niltaqgħa ma’ ħafna nies li jixtiequ l-aħjar futur
għall-Partit Nazzjonalista. Smajt bosta proposti, ilmenti, suġġerimenti u
kummenti.
Din mhux l-ewwel
darba li ltqajt ma’ nies li tinteressahom il-politika. F’dawn l-aħħar ħamsa u
għoxrin sena li ili attiv fil-politika u fis-soċjeta’ ċivili iltqajt ma’ eluf
ta’ nies u tgħallimt ħafna dwar realtajiet li jeżistu fis-soċjeta’ Maltija. Issa
li ili membru tal-Partit Nazzjonalista minn ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni
tal-2017 qed inkompli nibni fuq dan il-wirt.
Nixtieq insemmi
erba’ punti li laqtuni ferm f’dawn l-aħħar ġimgħat, kemm għax qalulomli ħafna
nies, kif ukoll għax nemmen fihom jien ukoll.
L-ewwel,
l-għaqda. Jeħtieġ li nagħmlu ħilitina biex inkunu tim maqgħud għall-isfidi
elettorali li għandna quddiemna. Il-partit għandu diversita’ ta’ fehmiet u
perspettivi, għandu proċess demokratiku u għandu l-bibien miftuħin għal min ikun irid jikkontribwixxi f’modi differenti.
Ejja nirrispettaw u niċċelebraw din ir-rikezza.
It-tieni:
Il-fenomenu Muscat. Bosta nies li ltqajt magħhom jafu sew kif jaħdem Joseph
Muscat. Jafu li qabel l-aħħar elezzjonijiet kellu biss kalkolu wieħed: Il-voti,
huma x’inhuma l-implikazzjonijiet fuq il-ġid komuni. Il-Partit Laburista għandu
sistema ta’ netwerks u micro-targetting
li permezz tagħha l-huwa preżenti kullimkien, u għalhekk jaf sew kif jista’
jwiegħed minn kollox lil dawk li jistgħu ituh vot. Iżda ħafna nies li kellimt
esprimew preokkupazzjoni li jkollna nħallsu fil-futur għall-politika ta’
Muscat.
It-tielet: Li
l-Partit Nazzjonalista ikun viċin in-nies. Bosta huma dawk li qed japprezzaw li
l-partit qed jagħmel l-almu tiegħu biex iwettaq din il-missjoni. In-nies iridu
li l-politiċi jisimgħu l-ilmenti, l-anzjetajiet, il-proposti u s-suġġerimenti
tagħhom. Iridu li dak li hu tagħhom bi dritt jieħduh, u mhux jittalbu għalih.
Iridu ukoll stil ta’ governanza li tibbilanċja l-ħtigijiet fit-tul tal-pajjiz
mar-realtajiet tal-ġurnata.
Ir-raba’: In-normalita
politika. Kulħadd jaf li l-pajjiż huwa mifni bil-korruzzjoni, iżda fl-istess
ħin hemm għejja ġenerali fil-konfront ta’ politika ikarratteriżżata minn wisq
konfrontazzjoni u stress. Ħafna nies iridu jgħixu ħajja normali u jridu
s-serħan tal-moħħ. Aħna l-politiċi għandna nagħmlu l-almu tagħna biex is-servizz
li noffru verament ittejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tan-nies, bil-fatti u mhux
bil-paroli.
Fix-xhur li jmiss
kemm ser inkompli niltaqa’ ma iktar nies u ser inkompli nwassal il-messaġġ
tagħkom. L-istess ser jagħmlu kollegi oħra fil-Partit Nazzjonalista. B’rieda
tajba naħdmu biex ikollna soċjeta’ li jimpurtaha.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 1 ta' Lulju 2018