Nemmen li l-Kunsilli Lokali kollha għandhom ikunu proattivi f'din il-kwistjoni permezz ta' konsultazzjoni ma' residenti u stakeholders f'kull lokalita' biex jiġu identifikati s-siti proposti. B'hekk il-proċess jista' jkun demokratiku, infurmat u bbażat fuq l-evidenza.
Sfortunatament, jidher li l-Gvern hu nieqes minn dawn il-metodi f'oqsma ekonomiċi u soċjali relatati mal-Coronavirus, minkejja l-appelli mill-Oppożizzjoni u s-Sħab Soċjali.
Tajjeb ukoll jekk il-Gvern jagħti titlu lill-Kunsilli Lokali għal art pubblika bħal parkeġġi: Bħal ma jaf kulħadd, bosta parkers jiċċarġjaw il-flus minkejja li hemm sinjali li jgħidu bil-kontra. Għalhekk, qed ikun hemm qliegħ privat għal servizz pubbliku.
Il-Gvern m'għandux ikun selettiv dwar spazji miftuħa. Għandu juża l-metodu konsultattiv u demokratiku dwar aċċess pubbliku f'spazji miftuħa oħra - bħal każ tal-Miżieb. Il-konsultazzjoni għandha tkun wiesgħa u trasparenti u mhux ma' settur wieħed biss. Kull ftehim għandu jkun ippublikat, hekk kif qed titlob il-koalizzjoni Spazji Miftuħa.
L-għodda soċjoloġika ta' Social Impact Assessment għandha valur kbir għall-ippjanar ibbażat fuq l-evidenza u deliberazzjoni. Pajjiżna għad m'għandux politika strutturata dwar din l-għodda tant neċessarja.