Sunday, November 25, 2018

Diskors - Kunsill Ġenerali - Partit Nazzjonalista - Michael Briguglio

Ħbieb,

Is-sajf li għadda uħud minna żorna l-festi mal-Kap. Kull ġimgħa konna qed immorru niltaqgħu man-nies fil-pjazez tar-raħal u fil-festa tagħhom. 

Uħud minna baqgħu iżuru l-ibliet u l-irħula, ta’ kuljum, fit-toroq u fid-djar tan-nies. 

Bħal ma ngħidu aħna s-soċjologi, qegħdin ‘on the ground’.

Intom, in-nies li ltqajtu magħna, ilqajtuna u fdajtuna bl-istejjer u t-tħassib tal-ħajja ta' kuljum tagħkom filwaqt li aħna smajnikhom.

Għidtulna kif tixtiequ li aħna nagħmlu dak li hu sewwa.

Bħal dak l-arkitett li ltqajt magħha li xogħlha kien li tivverifika li jkun sar żvilupp kif suppost

Kellha kuraġġ biżżejjed li titkellem meta x-xogħol ma sarx sew. 

U ta' dan tawha transfer u kellha titlaq xogħolha maċ-ċivil.

U sorpriżi meta tisimgħu dan? 

Diżappuntati iva, imma daż-żmien m'intomx sorpriżi. 

Għax issa tafu li jekk lanqas biss ikunu onesti magħna fuq sempliċi kont tad-dawl, mela din mhux klikka li tippremja l-onestà.

Din hi klikka li tippremja l-qerq, anki meta l-qerq tagħhom jinkixef bil-provi. 

U f'nofs dil-kultura ta' korruzzjoni, intom xorta tagħżlu li tagħmlu s-sewwa. 

Din tagħlima kbira għalina lkoll.

Għidtulna kemm hi importanti għalikom il-familja. 

Għidtulna nħarsu l-ambjent fil-politika tagħna, u kemm ser tpatti l-familja tagħkom jekk dan ma jsirx.

Bħall-familja li d-dar tagħha nzertat ħdejn produttur illegali tas-siment u jkollha tghix bl-istorbju u t-trab kuljum. 

Qed titlob ħafna dil-familja? 

Sorpriżi li l-liġi mhux qed tiġi infurzata?

Issa ma nistennew xejn aħjar, għax il-klikka qed teqred l-ambjent tagħna, u allura għalfejn ser jimpurtahom?

Fuq kollox, jekk huma stess jagħlqu għajnejhom għall-inġustizzja, għalfejn għandhom jiġġieldu kontriha?

Qsamtu magħna realtà differenti minn dik li jridu juruna huma. 

Bħal dak ir-raġel marid li jgħix m'ommu anzjana. 

Ftit tal-ġranet oħra ser jitkeċċew minn fejn jgħixu, filwaqt li l-klikka ħliet ħames snin mingħajr ma’ bniet blokka waħda tal-housing soċjali.

Xtaqt naqsam magħkom dar-realtajiet li rajt fiż-żjarat tiegħi fid-djar, fit-toroq, fl-irħula tagħna.

Meta nkellem lill-uffiċjali onesti fiċ-ċivil  jidher li ma nkunx qed inħabbat fuq il-bieb it-tajjeb. 

Forsi l-klikka jistennewni mmur iabbat fuq il-bieb tagħhom u ta' sħabhom - dawk li tawhom art pubblika biex jibnu taparsi università fiż-Żonqor.

Jew biex itellghu torri sproporzjonat fuq art pubblika f’Pembroke.

Jew saħansitra biex jipparkjaw tanker korrot fil-bajja ta' Marsaxlokk.

Kieku mort għandhom, kienet tkun storja ohra:

Hemmhekk kont insibu l-aqwa żmien;

Izda jien ippreferejt inkun viċin iż-żgħir minflok.

Ghazilt li nisma' l-qanpiena tan-nies f’Tas-Sliema, fil-Floriana, f’Raħal Ġdid, f’Birżebbuġa, fin-Naxxar u f’tant lokalitajiet oħra.

Ma dortux mal-lewża u għidtulna li rridu nirbhuha l-fiducja taghkom

U hekk għandu jkun.

U hu għalhekk li issa hu l-waqt it-tajjeb biex inkun hawn bhala l-kandidat tagħkom ghall-Parlament Ewropew ma’ sħabi l-oħra.

U għalhekk issa l-waqt biex il-Partit Nazzjonalista jingħaqad f'leħen wieħed. 

Hekk jitlolbu id-demokrazija, ir-rispett u r-rieda tajba.

Irridu nirbħu l-fiduċja tagħkom biex inkunu nistgħu nitkellmu għal dawk kollha, anki dawk Laburisti, li jagħmlu dak li hu sewwa, li qed isofru l-inġustizzja u li mhumiex qed jghixu l-aqwa zmien.

Il-fiduċja li tagħtuna ġġorr magħha responsabbiltà kbira.

Il-gvern għandu kull setgħa li jġib il-bidla izda naqas li jaghmel dan.

Iżda intom għandkom is-setgħa tagħmlu għażla differenti.

U meta taghzlu, meta tafdawna, inweghdkom, inwegħdukom li, kemm f'Malta kif ukoll fl-Unjoni Ewropea mhux ser ngħaddukom biż-żmien.

Ser inkunu l-leħen tagħkom - in-nies ta' rieda tajba.