Sentejn ilu l-gvern Laburista introduċa ċ-"Charter ta’ Drittijiet u Responsabbiltajiet tal-Pazjenti". Dan kien pass 'il quddiem fit-tfassil tal-politika f'Malta, iżda forsi wasal iż-żmien biex ngħarblu n-nuqqasijiet u naraw fejn jista' jsir titjib f'dan il-qasam.
Dan
id-dokument jgħid li jkopri "persuni li jkunu jirċievu trattament
fis-sistema tal-kura tas-saħħa Maltija" u jagħti tagħrif sabiex "jgħin
biex il-kura tas-saħħa tkun tal-aqwa kwalità, sigura u fil-ħin u fl-istess waqt
jippromwovi ftehim reċiproku tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-persuni
li jirċievu kura tas-saħħa".
Huwa msejjes
fuq tmien prinċipji, li huma l-protezzjoni tas-saħħa, l-aċċess, it-tagħrif,
il-parteċipazzjoni u l-kunsens infurmat, il-privatezza u l-kunfidenzjalità,
id-dinjità u r-rispett, kura tas-saħħa sigura, u kummenti u lmenti.
Il-prinċipji huma kollha nobbli: tabilħaqq għandna naraw jekk humiex qed jiġu
pprattikati dejjem.
Qed ngħid hekk
għax jidher li hemm nuqqas ta' appoġġ u awtorità istituzzjonali xierqa biex
dawn il-prinċipji jiġu implimentati. Sentejn wara, Malta għandu jkollha proċess
li jiżgura li jkun hemm sistema ta' verifiki xierqa biex din il-politika tiġi
implimentata tassew.
Barra minn
hekk, iċ-Charter għandu jiġi estiż ukoll għal ċentri u kliniċi tas-saħħa
pubbliċi u privati, biex b'hekk jiġi żgurat li jiġu stabbiliti u jitħarsu
d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-pazjenti, il-professjonisti u
l-prattikanti.
L-ispirtu
taċ-Charter għandu jinfirex ukoll f'setturi oħrajn tat-tfassil tal-politika
f'Malta, sew jekk ġeneriċi u sew jekk speċifikament marbutin mas-saħħa.
Pereżempju,
ikun pass importanti 'l quddiem jekk l-aspetti tas-saħħa jiġu organizzati
f'setturi differenti bħal dawk marbutin mal-proġetti tal-iżvilupp. B'rabta ma'
dan għandha ssir konsultazzjoni xierqa mal-awtoritajiet tas-saħħa u
r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, pereżempju dwar proġetti infrastrutturali
u applikazzjonijiet oħrajn li jitressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Malta għandha
preċedent tajjeb b'rabta mal-aċċess għal persuni b'diżabilità. Iżda dwar dan
nistaqsi: il-partijiet interessati bħad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali qegħdin
jiġu kkonsultati mill-Awtorità tal-Ippjanar?
L-ispirtu
taċ-Charter imsemmi hawn fuq għandu jiġi applikat ukoll b'rabta mal-Kunsill
Malti għas-Saħħa. Dan il-korp twaqqaf bil-liġi, iżda r-rwol tiegħu mhuwiex ċar
għall-pubbliku. Għandu jinkludi wkoll rappreżentant tal-pazjenti. Is-soċjetà
ċivili qiegħda tiġi kkonsultata dwar min għandu jinħatar f'din il-kariga?
Nemmen ukoll
li għandha tingħata aktar importanza lill-ħtiġijiet tal-pazjenti mill-awtoritajiet
meta japplikaw għall-fondi tal-UE. Jistgħu jiġu kkunsidrati oqsma bħan-nondiskriminazzjoni,
l-għoti ta' setgħa u l-aċċess għas-saħħa diġitali, flimkien ma'
applikazzjonijiet aktar konvenzjonali u daqstant importanti f'oqsma
bħar-riċerka u t-tfassil ta' politika msejjes fuq l-evidenza.
Qed naħseb
f'xi eżempji ta' kuljum marbutin ma' dan. Aħna ċerti li ċ-ċittadini tal-UE, iċ-ċittadini
ta' pajjiżi terzi, persuni esklużi soċjalment u minoranzi 'inviżibbli' huma
infurmati biżżejjed dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom? Is-saħħa
diġitali hija aċċessibbli għal gruppi soċjali differenti f'termini ta'
litteriżmu tal-internet?
Is-sistema
diġitali MyHealth, li kienet żvilupp pożittiv u li tagħti aċċess għad-data
pubblika dwar is-saħħa ta' persuna lil tobba privati tal-familja, tista'
tinfirex għal oqsma oħrajn? Pereżempju, għaliex in-nisa
li jkunu qed jistennew tarbija jkollhom joqogħdu fuq karta blu manwali matul u
wara t-tqala tagħhom mingħajr ma jkollhom verżjoni diġitali?
Għandha tiġi
żgurata wkoll l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-pjan strateġiku
li ser jitfassal għall-kura tas-saħħa f'pajjiżna għas-snin 2020-30. Din
l-istrateġija ssemmiet fil-Baġit għall-2019 u qed jingħad li ser tinkludi wkoll
setturi bħall-kura tas-saħħa mentali u l-ġenetika.
Nittama li
n-nuqqas ta' tagħrif li hawn bħalissa dwar din l-istrateġija huwa minħabba li
l-gvern biħsiebu jwettaq konsultazzjoni bir-reqqa. Huwa pożittiv li l-gvern qed
jgħid li jagħti valur lit-tfassil ta' politika msejjes fuq l-evidenza.
Għaldaqstant
nittama li jiġu kkonsultati firxa wiesgħa ta' esperti fix-xjenzi mediċi,
naturali u soċjali, flimkien mad-diversi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili,
l-istrutturi ta' governanza, u s-settur pubbliku u dak privat. L-aċċess,
is-sostenibbiltà, l-ugwaljanza, l-effiċjenza, it-trasparenza, id-drittijiet,
ir-responsabbiltajiet u valuri oħrajn għandhom jitqiesu kif mistħoqq. Għandu
jkun hemm ukoll dokumentazzjoni xierqa tal-konsultazzjoni pubblika.
Fl-aħħar nett,
nemmen ukoll li s-soċjetà Maltija jistħoqqilha djalogu xieraq dwar x'jiġifieri 'pazjent'.
Pereżempju, il-pazjenti huma biss dawk li jużaw sptar, jew hemm bosta pazjenti
'inviżibbli' jew fil-marġni, li ma jidhrux daqshekk fl-isfera pubblika? Il-Karta
Ewropea tad-Drittijiet tal-Pazjent, ippubblikata min-Netwerk Malti tas-Saħħa u
l-Active Citizenship Network hija punt ta' referenza importanti ferm.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 11 ta' Novembru 2018