Iċ-ċittadini
ser jingħataw servizz aħjar wara r-riforma tal-kunsilli lokali proposta
mill-gvern?
Waħda
mill-proposti tal-gvern hija li dan il-livell ta' governanza jibda jissejjaħ
gvern lokali, u b'hekk ikun iħaddan fih il-kunsilli lokali u dawk reġjonali.
Lil dawn tal-aħħar ġew allokati €3 miljun fil-baġit għas-sena d-dieħla u
l-president tagħhom ser jiġi elett mill-kunsillieri lokali.
Il-White
Paper tipproponi bidla minn ħames għal sitt kunsilli reġjonali. Ir-raġuni
ddikjarata tal-gvern hija biex jissaħħaħ is-sens ta' governanza ġeografika, li
jista' jiffaċilita l-għoti ta' kuntratti, l-immaniġġar tas-servizzi u
l-applikazzjoni għal fondi tal-UE.
Pereżempju,
qiegħed jiġi propost li l-kuntratti tal-immaniġġar tal-iskart jingħataw fuq
livell reġjonali, biex b'hekk fit-teorija jsiru possibbli ekonomiji ta' skala u
koordinazzjoni aħjar. Madankollu, il-White Paper ma tgħidilniex jekk ir-reġjuni
humiex qed jiġu organizzati b'mod li jiffavorixxi maġġoranzi reġjonali
Laburisti u għaldaqstant l-elezzjoni aktar faċli ta' presidenti Laburisti.
Il-gvern
qiegħed jipproponi wkoll li tingħata assistenza aħjar lill-kunsilli lokali fi kwistjonijiet
bħall-fondi tal-UE, ir-riċerka skolastika dwar temi reġjonali u r-riċerka u
r-rispons b'rabta mal-ilmenti tar-residenti. Jekk din l-assistenza tiġi
applikata sew, tista' tgħin biex isir tfassil ta' politika msejjes fuq
l-evidenza.
Il-kunsilli
lokali ser ikunu jistgħu wkoll jimpjegaw persuni mingħajr awtorizzazzjoni
mingħand il-ministru rispettiv u jtejbu l-ħiliet tal-ħaddiema permezz ta'
taħriġ u taħriġ mill-ġdid. Iżda, fl-istess waqt, il-White Paper mhi qed
tipproponi xejn biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta' xogħol tagħhom.
Fost
il-proposti l-oħrajn li jissemmew fil-White Paper hemm responsabilitajiet akbar
għall-kunsilli lokali fl-qasam soċjali u f'dak edukattiv, fl-integrazzjoni,
fl-amministrazzjoni u fil-komunità. Filwaqt li dawn huma proposti siewja, uħud
minnhom diġà huma fis-seħħ, u jsir progress fihom kieku l-gvern ireġġa' lura
t-tendenza li jiċċentralizza s-setgħa f'idejn il-ministri.
Kont
nistenna wkoll li l-gvern jappoġġa d-devoluzzjoni tal-art bħal pereżempju
parkeġġi pubbliċi, li f'bosta minnhom bħalissa jintalbu 'tips' privati
illegali. Immaġinaw kieku, minflok, dan id-dħul ikun jista' jintuża għal
bżonnijiet lokali.
Il-White
Paper tonqos milli tagħraf li l-awtorità tal-kunsilli lokali fuq it-toroq
prattikament ittieħdet għalkollox mill-gvern. Tabilħaqq, l-immaniġġar
tat-traffiku u l-bankini aċċessibbli anqas biss jissemmew fid-dokument.
Fuq
nota pożittiva, l-anzjani jissemmew għadd ta' drabi. Eżempju minn dawn huwa
l-assistenza lill-kunsilli lokali għal proġetti marbutin ma' din
id-demografika. Is-solitudni, l-għoli tal-ħajja, l-esklużjoni soċjali,
l-aċċessibilità u l-mard huma kwistjonijiet ewlenin marbutin mal-anzjani llum
il-ġurnata.
Sadanittant,
il-gwardjani lokali issa ser jibdew jissejħu uffiċjali tal-komunità u ser
ikollhom rwol li ser ikun aktar edukattiv milli dixxiplinarju b'rabta
mal-kontravenzjonijiet. Iżda l-White Paper tonqos milli tirrikonoxxi li
l-gwardjani lokali ġew iċċentralizzati fi ħdan dipartiment tal-gvern, u dan
ifisser li l-kunsilli għandhom inqas setgħa f'deċiżjonijiet dwar dan
il-persunal.
Ninsab
ukoll diżappuntat li s-sittax-il kumitat amministrattiv li nħolqu fl-2010 ser
jitneħħew. Il-gvern qed jikkritika l-mod kif jaħdmu u minflok qed jipproponi
l-faċilità li jitwaqqfu sottokumitati. Jekk wieħed jestendi dan ir-raġunament,
anke xi kunsilli lokali mhumiex qed jaħdmu sew, iżda hu f'idejn l-elettorat li
jiġġudika. Għaliex ma għandux jiġri l-istess għall-kumitati amministrattivi?
Fost
il-kwistjonijiet li għadhom ma ssolvewx hemm il-mistoqsijiet dwar jekk
is-sindki għandux ikollhom rwol full-time, jekk għandux ikollhom mandat massimu
ta' tliet leġislaturi u jekk il-persuni ta' sittax-il sena li jikkontestaw
l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali jistgħux isiru sindki. B'rabta ma' dan
kollu, nisħaq li l-partiti jaħdmu biex dawn id-deċiżjonijiet kontroversjali jittieħdu
b'kunsens bejn il-partiti kollha mingħajr partiġġjaniżmu.
Suġġetti
oħrajn neqsin mill-White Paper huma s-sigurtà u ż-żamma tal-ordni
fil-komunitajiet. Kont nistenna wkoll li l-White Paper tagħti prominenza
lill-finanzjament tal-kunsilli. B'rabta ma' dan, l-Oppożizzjoni kienet
ipproponiet soluzzjonijiet mingħajr żidiet fit-taxxi, bħat-trasferiment ta' xi
dħul mis-servizzi tal-gvern u t-turiżmu għall-kunsilli.
Fl-aħħar
nett, il-White Paper ma twettaqx skrutinju tal-mod kif qiegħed jiġi amministrat
il-fond nazzjonali għall-iżvilupp urban. Ftit jiem ilu, One News irrappurtaw li
ammont sostanzjali ta' €28 miljun huwa disponibbli fi ħdan dan il-fond biex
jintuża mill-kunsilli. Issa rriżulta li €7 miljun ittieħdu minn sitt kunsilli
lokali, u l-kunsilli lokali ma ġewx ikkonsultati dwar dan. Dan hu eżempju
inaċċettabbli ta' kif il-gvern Laburista qiegħed jisraq flus il-kunsilli u
jiċċentralizza s-setgħa f'idejn il-ministri.