Sunday, November 18, 2018

Nuqqasijiet fil-Baġit – Michael Briguglio



Sa issa, żgur li l-qarrejja kollha ltaqgħu ma’ riklami tal-gvern dwar il-Baġit għall-2019. Sew jekk fil-gazzetti, fuq it-televiżjoni, fuq ir-radju u sew jekk fuq l-internet, donnhom dawn ir-riklami qed iħarsu lejna minflok aħna qed inħarsu lejhom. Wieħed jistaqsi kemm il-gvern qed jonfoq fuq din il-propaganda.

Fit-taħriġ tiegħi bħala soċjologu, tgħallimt li meta nanalizzaw id-diskors, huwa importanti mhux biss li naqraw dak li qed jingħad iżda wkoll li ngħarbluh biċċa biċċa u nidentifikaw fejn hemm nuqqasijiet f’dak id-diskors. Tabilħaqq, nemmen li l-Baġit għall-2019 għandu numru sew ta’ nuqqasijiet. F’dan l-artiklu, ser nenfasizza xi kwistjonijiet marbutin mal-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema.

L-ewwel nett, il-Baġit għall-2019 ma jgħid kważi xejn dwar ir-riforma tal-pensjonijiet. Hu veru li l-pensjonanti qed jingħataw żieda għall-għoli tal-ħajja ta’ €2.17 minbarra l-ammont ta’ €2.33 mogħti permezz tal-mekkaniżmu COLA. Iżda kull pensjonant jgħidlek li din iż-żieda ser tispiċċa fix-xejn mal-ewwel ikla jew ħarġa.

Sadanittant, qiegħdin ngħixu f’soċjetà li qed issir iktar anzjana, u dan ifisser li l-għadd ta’ persuni eliġibbli għall-pensjoni ta’ l-anzjanita’ x’aktarx jiżdied b’mod sostanzjali fis-snin li ġejjin. Il-gvern qed jagħti xi inċentivi lil dawk li għandhom il-mezzi biex ikollhom pensjonijiet privati iżda ma għandux wisq ideat oħra f’dan il-qasam.

Nemmen li l-gvern kien ikun aktar responsabbli kieku għallinqas qabel li jiddiskuti jekk il-mudell ta’ pensjonijiet fis-seħħ bħalissa huwiex sostenibbli fuq medda twila ta’ żmien. Il-gvern jista’ jaċċerta lil persuni li għandhom inqas minn 45 sena li l-kontribuzzjonijiet tal-bolla tagħhom ser jagħtuhom pensjonijiet deċenti?

B’rabta mal-aġġustamenti għall-għoli tal-ħajja, il-gvern qiegħed il-ħin kollu jirrepeti l-mantra li dawn huma msejsa fuq formula li ilha miftiehma mill-1992. Tassew li dan kien ftehim storiku bejn il-gvern ta’ dak iż-żmien u l-imsieħba soċjali. Iżda nistenna li gvern li tant hu kburi li hu ‘progressiv’ jisma’ l-appelli kontinwi tal-għaqdiet tal-ħaddiema u l-esperti fix-xjenzi soċjali biex jerġa’ jiżen dan il-mekkaniżmu.

Il-basket ta’ prodotti li titqies f’dan il-mekkaniżmu tassew qed tirrappreżenta x-xejriet ta’ konsum tal-lum? Aħseb ftit x’tista’ tixtri bil-kumpens ta’ kull ġimgħa ta’ €2.33: kważi xejn.

Meta naqraw il-materjal pubbliċitarju tal-gvern dwar is-sensiela ta’ inizjattivi baġitarji, għandna naraw ukoll jekk humiex qed jinvestu f’forza tax-xogħol aktar b’saħħitha: forza tax-xogħol mgħammra biex tħabbat wiċċha mal-opportunitajiet u r-riskji fis-soċjetà likwida tal-lum; forza tax-xogħol li għandha l-ħila taffaċċa l-konsegwenzi mhux magħrufa u mhux intenzjonati tat-tfassil tal-politika. B’rabta ma’ dan, il-Baġit għall-2019 ma jgħidx wisq fuq l-importanza ta’ miżuri kwalitattivi bħall-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet tal-ħaddiema u li jkollna politika sostenibbli li tiskoraġġixxi t-tluq kmieni mill-iskola. Dan hu saħansitra aktar importanti meta nqisu d-domanda għal ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet fis-suq tax-xogħol Malti. Ejjew niftakru li setturi bħat-turiżmu m’għadhomx jitqiesu bħala possibilitajiet għal karriera, speċjalment għax sikwit qed ikunu kkaratterizzati minn tellieqa sal-qiegħ permezz ta’ xogħol irħis.

Opportunitajiet ‘aktar ġodda’ bħal dawk fis-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni jeħtieġu wkoll investiment aktar intelliġenti biex l-istudenti u l-ħaddiema jitħeġġu jieħdu opportunitajiet, rispettivament, ta’ studju u ta’ taħriġ.

Nuqqas sinifikanti fid-diskors tal-Baġit għall-2019 huwa x-xogħol prekarju.

Nistieden lill-qarrejja jiftakru fis-snin immedjatament qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, meta l-prekarjat kien jidher regolarment fl-istrateġija pubbliċitarja ta’ dik li dak iż-żmien kienet l-oppożizzjoni Laburista. Fl-2018, din il-kelma donnha għebet b’xi seħer mil-lingwaġġ Laburista.

Min-naħa l-oħra, organizzazzjonijiet bħall-UĦM – Voice of the Workers kontinwament qiegħdin jitkellmu fuq il-prekarjat, u r-retorika tagħhom hi mirfuda minn proposta ta’ politika ta’ min ifaħħarha.

Din tikkonsisti mill-introduzzjoni ta’ portal fuq l-internet għall-pajjiż kollu kontra x-xogħol prekarju. Dan ikun magħmul mir-rekwiżiti standardizzati għall-kuntratti ta’ xogħol skont il-leġiżlazzjoni attwali u d-data li jkun fih tkun immedjatament disponibbli għall-awtoritajiet, min iħaddem u l-ħaddiema biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tkun qed titħares.

Il-Baġit għall-2019 jaħrab ukoll minn waħda mill-ikbar sfidi soċjali f’Malta llum: il-kera u x-xiri tal-proprjetà. Iżda ser nikteb f’aktar dettall dwar dan f’artiklu ieħor.

 Dan l-artiklu deher fil-Mument, 18 ta' Novembru 2018