Hbieb,
L-ispettru tal-Panama Papers
rega’ qiegħed fostna permezz tas-17 Black.
Kos, qegħdin f’sitwazzjoni fejn
hu l-aqwa żmien ghall-Keith Schembri u Konrad Mizzi permezz tar-roadmap
korrotta tagħhom.
Ejja nqabblu l-miljuni involuti
fil-bejgħ ta’ l-assi tal-poplu mal-loqom li qed jingħataw lill-ħaddiema u l-pensjonanti.
Ejja nqabblu s-snin ta’ xogħol
u sagriffiċċju li tagħmel persuna ma’ dak li kienu ppjanati li jdaħħlu Schembri
u Mizzi kull xahar.
Ejja nqabblu lil dak
il-Laburist li qed jistenna li jiġi żgumbrat mill-post fejn joqgħod mal-iffangar
ta’ Schembri u Mizzi a skapitu tal-pajjiz u l-partit tagħhom stess.
Biżżejjed inħarsu lejn il-baġit
għas-sena d-dieħla.
Il-pensjonant qed jingħata
żieda għall-għoli tal-ħajja ta’ €2.17 minbarra l-ammont ta’ €2.33 mogħti
permezz tal-mekkaniżmu COLA.
Kull pensjonant jaf li din
iż-żieda ser tispiċċa fix-xejn mal-ewwel ikla jew ħarġa.
Il-ħaddiem qed jingħata
kumpens għall-għoli tal-ħajja ta’ €2.33.
Aħseb ftit x’tista’ tixtri
bil-kumpens ta’ kull ġimgħa ta’ €2.33: kważi xejn.
Sa dan it-tant il-gvern
qiegħed il-ħin kollu jirrepeti l-mantra li l-mekkaniżmu tal-COLA hi msejsa fuq
formula li ilha miftiehma mill-1992.
Tassew li dan kien ftehim
storiku bejn il-gvern ta’ dak iż-żmien u l-imsieħba soċjali. Iżda nistenna li
gvern li tant hu kburi li hu ‘progressiv’ jisma’ l-appelli kontinwi tal-għaqdiet
tal-ħaddiema u l-esperti fix-xjenzi soċjali biex jerġa’ jiżen dan
il-mekkaniżmu.
Nuqqas ieħor fil-Baġit
għall-2019 huwa x-xogħol prekarju.
Tiftakru fis-snin
immedjatament qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, meta l-prekarjat kien jidher
regolarment fl-istrateġija pubbliċitarja ta’ dik li dak iż-żmien kienet
l-oppożizzjoni Laburista?
Fl-2018, din il-kelma donnha
għebet b’xi seħer mil-lingwaġġ Laburista.
Min-naħa l-oħra, l-oppożizzjoni
Nazzjonalista u organizzazzjonijiet bħall-UĦM – Voice of the Workers
kontinwament qiegħdin jitkellmu fuq il-prekarjat. U l-UĦM għandhom proposta ta’ min ifaħħarha.
Din tikkonsisti mill-introduzzjoni
ta’ portal fuq l-internet għall-pajjiż kollu kontra x-xogħol prekarju. Dan ikun
magħmul minn informazzjoni li tkun immedjatament disponibbli għall-awtoritajiet,
min iħaddem u l-ħaddiema biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tkun qed titħares
meta jiġi impjegat ħaddiem.
Il-Baġit għall-2019 jaħrab
ukoll minn waħda mill-ikbar sfidi soċjali f’Malta llum: il-kera u x-xiri
tal-proprjetà.
Tiftakru ż-żmien meta żagħżugh
seta jixtri l-propjeta’ tiegħu?
Imbagħad l-aspettattivi
kellhom jiċċeknu għall-appartament iżgħar.
Imbagħad li wieħed jikri
appartament.
Imbagħad li jaqsam appartament.
Jew inkella jibqa’ jgħix mal-ġenituri
mhux għax irid, iżda minħabba li l-prezzijiet għolew wisq– għax issa saħansitra
l-alternattiva hi li taqsam kamra jew sodda.
Għax dik hi l-ħolma tal-llum,
fl-aqwa żmien: Li ma tispiċċax tgħix f’kamra maqsuma jew f’garaxx.
Għax iva, issa hemm min
saħansitra qed jgħix f’garaxx.
L-iżgumbrament qed jiżdied, u
jidher li ser ikompli jiżdied fil-futur qrib.
U l-gvern qed ikompli jkaxkar
saqajh biex jgħin lil dawk l-iktar fil-bżonn: dawk li qed jgħixu ħajja prekarja,
mimlija anzjeta’ dwar fejn ser jispiċċaw jgħixu fil-futur qrib.
Ara lill-Vitals, lill-Cafe’
Premier, lill-klikka ta’ Konrad u Keith, lill-ħbieb tal-ħbieb, lill-Azerbaijan:
Hemmhekk il-Gvern għaġġel kemm felaħ biex jaqdihom. U aħna t-taxpayers inħallsu.
Il-Labour wegħdna road map,
living wage, politika nadifa u l-aqwa żmien: Minflok, il-valur tal-paga nieżel
l-isfel, il-koruzzjoni hija ferventi u l-ħajja ta’ bosta qed issir iktar
prekarja.
Huwa dmir tagħna li niktellmu
dwar il-weġgħat tan-nies.
U huwa l-obbligu tagħna li nfassalu
l-pjan għal gvern alternattiv.
Grazzi
Diskors, każin PN Tas-Sliema, 18 ta' Novembru 2018