Saturday, September 01, 2018

L-għoli tal-ħajja u l-kompetittività - Michael Briguglio




F'dan iż-żmien tas-sena l-Uffiċċju tal-Baġit fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi jkun qed jaħdem fuq il-baġit nazzjonali li jmiss. Jekk, għal mument, ninsew il-bejgħ tal-passaporti, għandna nagħrfu li mhuwiex faċli li pajjiż jibbilanċja l-baġit tiegħu filwaqt li jieħu ħsieb il-prijoritajiet tal-gvern u diversi ħtiġijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali.



Tul dan il-proċess, l-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali jiltaqgħu biex jiddiskutu dak li jistennew mill-Baġit. Jista' jkun hemm talbiet leġittimi differenti li xi kultant ma jkunx faċli li jiġu rrikonċiljati. Xi msieħba soċjali jisħqu fuq il-kompetittività, oħrajn jenfasizzaw is-setgħa ta' xiri tal-membri tagħhom, u oħrajn jirreferu għal ħtiġijiet settorjali differenti.



Nittama li fil-Baġit li jmiss il-gvern jagħti aktar importanza lill-persuni li jinsabu f'riskju ta' faqar jew li għaddejjin minn privazzjoni serja. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), l-għadd ta' persuni fir-riskju tal-faqar (dħul ta’ inqas minn €8,698) fl-2016 kien 72,143, jew 16.8 fil-mija, 0.3 punti perċentwali aktar minn dak irreġistrat għas-sena ta' qabel. Wieħed għandu jirreferi wkoll għal studju li sar dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea li ddikjara li l-pensjonijiet għall-anzjani f'Malta mhumiex adegwati.



Fl-istess ħin, iżda, fl-2017, ir-rata uffiċjali ta' privazzjoni materjali serja fost persuni fi djar kienet 3.3 fil-mija, tnaqqis ta' 1.1 fil-mija mis-sena ta' qabel.



Huwa veru li l-gvern inkluda xi riformi ta' min ifaħħarhom biex jgħin lin-nies joħorġu mill-faqar. Dawn jinkludu t-tnaqqis gradwali tal-benefiċċji meta jinstab xogħol, skemi għal tranżizzjoni minn dipendenza fuq il-benefiċċji għas-suq tax-xogħol, miżuri li jgħinu lill-familji bħal ċentri fejn jittieħed ħsieb it-tfal mingħajr ħlas u skemi oħrajn.



Iżda xorta waħda jibqa' l-fatt li l-piż huwa kbir wisq għal dawk bi dħul baxx u għall-pensjonanti. Dan jinkludi l-ispejjeż dejjem jiżdiedu għall-kera, l-ikel, il-fuel, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u affarijiet oħra, li huma riflessi fir-rata relattivament għolja ta' inflazzjoni ta' madwar tnejn fil-mija f'Malta.



Il-Baġit tas-sena l-oħra ta aġġustament għall-għoli tal-ħajja (COLA) lill-ħaddiema ta' €1.75. Kwalunkwe konsumatur ikun tal-fehma li dan mhuwiex biżżejjed biex il-ħaddiem ilaħħaq mal-ispiża vera li tirriżulta miż-żidiet fl-għoli tal-ħajja. Il-fatt li l-gvern innifsu ta ammont żejjed lill-ħaddiema apparti l-COLA kien fih innifsu ammissjoni li ż-żieda fil-COLA ma kinitx realistika.



Nixtieq nuri l-appoġġ tiegħi għall-istqarrija mill-għaqdiet tal-ħaddiema li wasal iż-żmien li l-mekkaniżmu li jikkalkula l-COLA jiġi rivedut. Il-mekkaniżmu ilu snin ma jinbidel u b'konsegwenza ta' dan jidher li ma għadux jgħodd għar-realtà.



Huwa veru li l-COLA kien ir-riżultat ta' ftehim storiku bejn il-gvern u l-għaqdiet rispettivi ta' min iħaddem u tal-ħaddiema, u naqbel li hu diffiċli li jinħoloq mekkaniżmu alternattiv li jgawdi kunsens tant wiesa'. Iżda dan ma għandux iżomm lill-gvern milli jikkunsidra metodi li jistgħu jagħmlu bidliet fil-mekkaniżmu biex isir aktar realistiku filwaqt li ma tiddgħajjifx il-kompetittività ta' Malta.



Il-gvern għandu jieħu bis-serjetà wkoll mistoqsijiet oħrajn li qed isiru dwar iż-żieda fil-prezzijiet f'Malta. Pereżempju, kemm qed jagħmel qligħ il-monopolju tal-Enemed? U kif qed jintuża dan il-qligħ?



B'rabta mal-kompetittività ta' Malta, tkun rilevanti ħarsa lejn ġabra ta' indikaturi u evidenza oħra tul il-proċess tal-baġit. Wieħed minn dawn l-indikaturi huwa d-defiċit kummerċjali ta' Malta. L-NSO dan l-aħħar ikkwantifika dan id-defiċit bħala €242.6 miljun f'Mejju 2018, meta mqabbel ma' defiċit kummerċjali ta' €441.2 miljun fl-istess xahar fl-2017. Kemm l-importazzjonijiet kif ukoll l-esportazzjonijiet naqsu, b'€271.9 miljun u €73.3 miljun rispettivament.



Minkejja li d-defiċit kummerċjali ta' Malta tjieb matul it-12-il xahar imsemmija, l-eżistenza ta' dan id-defiċit mhijiex aħbar ġdida, u t-tnaqqis kbir fil-manifattura f'Malta wassal għal defiċit ikbar matul is-snin. Iżda l-manifattura għandha ġejjieni f'Malta? X'aktarx ser tkompli tesperjenza sfidi kbar, imma tista' wkoll tadotta strateġiji bħal dik li missieri Lino Briguglio jsejjaħ "speċjalizzazzjoni vertikali", jiġifieri l-kumpannija Maltija tispeċjalizza fi stadju partikolari tal-produzzjoni li jkun ibbażat fuq l-għarfien, u għaldaqstant jiġi ġġenerat livell għoli ħafna ta' valur miżjud għal kull persuna impjegata.



Strateġija ekonomika bħal din titlob investiment effettiv fir-riċerka, l-edukazzjoni, it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema. Meta wieħed iqis il-kisbiet relattivament baxxi ta' Malta f'dan ir-rigward, nittama li l-gvern jagħti aktar importanza lill-investiment marbut ma' dan fil-baġit li jmiss.



Dan l-artiklu deher fil-Mument, 2 ta' Settembru 2018