Dalgħodu il-president tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker għamel
id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew. Dan fi żmien meta l-Unjoni Ewropea qed tħabbat wiċċha ma' sfidi
importanti f'għadd ta' oqsma differenti. Fl-istess waqt ma rridux ninsew li
l-UE għamlet u għadha tagħmel
ħafna kisbiet, li aħna kultant ma napprezzawx.
F'dawn l-aħħar
għaxar snin, il-kriżi finanzjarja dinjija wasslet biex il-kundizzjonijiet ta'
għajxien ta' ħafna nies imorru għall-agħar madwar l-Unjoni. Iżda l-eqqel
tal-kriżi jidher li għadda u xejriet reċenti wrew titjib ekonomiku f'diversi
pajjiżi, pereżempju rati aktar baxxi ta' qgħad. Madankollu, anke meta
l-istatistika turi xejriet pożittivi, it-tbatija ta' kuljum li jgħaddu minnha
bosta individwi ma għandhiex tiġi injorata. Analiżi soċjali xierqa għandha
tikkonċentra kemm fuq fatturi kwantitattivi kif ukoll fuq fatturi kwalitattivi.
L-UE ħadmet, u
għandha taħdem aktar, biex trawwem politika soċjali li tintegra l-ġid ekonomiku
mal-ġid soċjali. Għandu jkompli jiġi żviluppat investiment soċjali permezz ta'
tagħlim tul il-ħajja, l-għoti ta' setgħa liċ-ċittadini, u l-kapital uman sabiex
l-individwi jkunu mgħammra biex jiffaċċjaw ir-riskji u l-opportunitajiet
fil-ħajja ta' kuljum tagħhom.
Il-mudell
ekonomiku Ewropew għandu jipprova wkoll isib bilanċ bejn ir-rwol tal-Unjoni
bħala ċentru ta' kummerċ dinji u l-istandards soċjali, ekonomiċi u ambjentali
għoljin tagħha. Jista' jinħoloq aktar xogħol fl-UE jekk tingħata aktar
importanza lill-investiment f'setturi bħall-enerġija: dan ikun siewi wkoll minn
perspettiva ġeopolitika.
B'rabta ma' din
il-perspettiva, qed isir dejjem aktar ċar li l-UE teħtieġ politika barranija
koerenti u strateġija komuni għas-sigurtà jekk trid li jkollha leħen b'saħħtu
fuq il-livell dinji. Id-dipendenza tal-UE fuq l-Istati Uniti fil-qasam
tas-sigurtà bħalissa hi inċerta, u Ewropa maqsuma tista' tkun ta' ħsara
għall-Ewropa u ta' vantaġġ għal setgħat dinjin oħrajn.
Fl-istess waqt,
madankollu, nemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti aktar spazju
lir-realtajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fi ħdan qafas ġenerali tal-UE.
Eżempju tajjeb ta' dan huwa l-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima, li
għandha mira waħdanija tal-UE iżda miri nazzjonali differenti fid-dawl
tas-sitwazzjonijiet differenti f'kull stat membru. B'dan il-mod, l-istati
membri tal-UE qed jaqsmu s-sovranità tagħhom billi jkollhom leħen aktar
b'saħħtu fid-dinja iżda li xorta waħda jirrispetta r-realtajiet nazzjonali.
Problema politika
kbira madwar l-UE hija li qed jikbru u jinfirxu partiti u sentimenti populisti
u Ewro-xettiċi li qed jipproponu soluzzjonijiet ta' malajr għat-tħassib
tan-nies dwar kwistjonijiet bħall-migrazzjoni. Meta ma jkunx jista' jinstab
kunsens mal-Unjoni kollha, l-UE għandha tippromwovi koalizzjonijiet ta' pajjiżi
u organizzazzjonijiet ta' rieda tajba li jkunu lesti jgħinu lil xulxin. Kif
inhuma l-affarijiet, jista' jkun li dan hu l-aktar mezz vijabbli: inkella, qed
nissograw li nispiċċaw f'paraliżi istituzzjonali. Nemmen ukoll li għandu jsir
aktar investiment fi programmi ta' integrazzjoni soċjali u ta' solidarjetà
madwar l-Unjoni.
L-isfida attwali
tal-migrazzjoni tfakkarna wkoll li l-Ewropa li għandha wirt b'saħħtu ta' libertà,
drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt hija l-istess Ewropa li għaddiet
mit-totalitarjaniżmu u li f'bosta żminijiet ipprattikat il-kolonjaliżmu. Barra
minn hekk, il-kelma 'migrazzjoni' nnifisha jeħtieġ li nqisuha mill-perspettiva
tal-baħar ta' identitajiet, lealtajiet u twemmin f'Unjoni ta' diversità.
Sfida oħra li l-UE qed tħabbat wiċċha
magħha hi s-saltna tad-dritt. Għal darb'oħra hemm kunflitti ċari bejn dawk favur standards Ewropej u
l-Ewroxettiċi u jidher li ma teżistix soluzzjoni sempliċi. Dan ifakkarna fir-rwol
tal-Kummissjoni Ewropea li tara li l-istati membri jżommu ma' standards bażiċi u
fl-għażliet li l-elettorat Ewropew ser ikollu jagħmel fl-elezzjonijiet
nazzjonali u dawk Ewropej. L-Ewroxettiċi sikwit qed jippreżentaw argumenti
b'aktar passjoni u kemm il-darba jirbħu l-ġlieda tal-komunikazzjoni.
B'rabta ma' dan,
istituzzjonijiet, partiti politiċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili
favur l-UE għandhom irawmu sens li aħna lkoll għandna sehem fl-Ewropa. Dan
ifisser ukoll li r-rappreżentanti tan-nies fil-Parlament Ewropew għandhom ikunu
eqreb tan-nies billi jisimgħu t-tħassib u r-realtajiet ta' kuljum tagħhom
fil-kostitwenzi rispettivi tagħhom u jikkonċentraw inqas fuq ir-retorika, li
n-nies ma għandhom l-ebda rabta magħha.
Jekk irridu
nħarsu u ntejbu l-kisbiet tal-Unjoni Ewropea, bħall-paċi, is-solidarjetà u
s-sostenibbiltà, irridu naraw li l-individwi, il-gruppi u s-soċjetajiet Ewropej
iħossuhom li huma parti mill-istituzzjonijiet tal-UE u li tassew qed jieħdu
sehem fihom.