Meta n-nies
jirċievu r-rifużjonijiet tat-taxxa, huma jkunu qed jirċievu dak li għandhom
dritt għalih mill-ħlasijiet li jkunu għamlu lill-gvern. Normalment jirċievu
avviż dwar dan fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħhom u daqshekk. Iżda issa l-gvern
ħa pass ieħor permezz ta’ manuvra pubbliċitarja: il-Ministru għall-Finanzi
Edward Scicluna organizza konferenza tal-aħbarijiet biex iħabbar li kienu ser
jintbagħtu ċekkijiet speċifiċi, li ntbagħtu flimkien ma’ ittra ta’ propaganda
lil eluf ta’ ħaddiema.
Fl-istess ġimgħa,
xi ħadd qalli sarkastikament li l-flus tat-taxxa li qed jitħallsu lura lin-nies
diġà ħallsu għalihom l-istess nies permezz tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma
ogħla minħabba l-metodu illegali li bih qed jinħarġu l-kontijiet. Fuq il-mezzi
soċjali oħrajn iċċajtaw li l-flus li ngħataw lura jistgħu jintużaw għand
l-ispiżjar biex jinxtraw prodotti kontra t-tniġġis, u xi wħud qalu li l-ftaħir
tal-gvern dwar ir-rifużjoni kien insult għal dawk li qed jitħabtu biex iħallsu l-kirja
jew id-dar tagħhom. F’messaġġ fuq Twitter, l-opinjonista tat-Times of Malta
Andre Debattista rrefera għal din bħala politika ‘tal-ħobz u taċ-ċirku’,
jiġifieri politika maħsuba biex tnessi lin-nies il-problemi l-aktar serji.
Bosta oħrajn qed jgħidu
li l-gvern qiegħed jinsa l-fatt li 95,000 pensjonant f’Malta qed isibuha dejjem
aktar diffiċli li jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja minħabba spejjeż dejjem ogħla
fl-isfond ta’ rata tal-inflazzjoni dejjem tiżdied. Kif inhuma l-affarijiet,
madwar 22,000 pensjonant qegħdin f’riskju ta’ faqar: żidiet fl-ispejjeż
tal-fjuwil, tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, tal-ikel u bosta ħwejjeġ oħra qed
jagħmlu s-sitwazzjoni agħar.
L-ogħla pensjoni
tal-gvern f’Malta hija madwar €13,200 u l-unika konsolazzjoni hija li dawn
il-pensjonanti huma eżentati mit-taxxa. Iżda bil-kontra ta’ ħaddiema eżentati
mit-taxxa huma ma jkunux gawdew minn ċekk tal-gvern. Nistieden lill-qarrejja
jagħtu ħarsa lejn battibekk pubbliku reċenti fuq Twitter bejn Alfred Mangion u l-Ministru
tal-Finanzi għal aktar tagħrif dwar il-kwistjoni.
Dan iwassalni
għal artiklu li nirrakkomanda ta’ Carmel Mallia (Times of Malta, 7 ta’ Settembru) dwar dak li
l-pensjonanti qegħdin jistennew mill-baġit. Mallia jfakkar lill-qarrejja tiegħu
li l-Alleanza tal-Organizzazzjonijiet tal-Pensjonanti ilha tisħaq dwar l-importanza
ta’ pensjonijiet adegwati għal dawn l-aħħar għaxar snin.
Huwa importanti
li wieħed jinnota li rapport reċenti tal-Kumitat Ewropew għall-Protezzjoni
Soċjali u l-Kummissjoni Ewropea kkonferma li l-pensjoni taż-żewġ terzi
tal-gvern mhijiex biżżejjed, xi ħaġa li anke jien tkellimt dwarha f’artiklu
reċenti f’din il-gazzetta.
B’rabta ma’ dan,
Mallia jirrapporta kif ir-rata medja ta’ dħul relattiv għal persuni akbar
fl-età (65+) naqset bejn l-2008 u l-2016, li n-nisa qegħdin f’sitwazzjoni agħar
u li hemm diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età f’għadd ta’ miżuri introdotti
fil-pensjoni taż-żewġ terzi, jiġifieri fl-introduzzjoni ta’ limitu għad-dħul
massimu pensjonabbli, il-pensjoni minima nazzjonali garantita u
fir-rievalwazzjoni li ssir kull sena tal-pensjoni.
Ir-rapport
imsemmi juri li persuna ma tistax tgħix b’pensjoni biss f’Malta u jafferma li d-diskrepanza
bejn dak li jaqilgħu n-nisa u l-irġiel fost il-pensjonanti hija waħda
mill-akbar fl-UE. Iżid li matul il-perjodu eżaminat (2008-16), ir-rata ta’ dawk
f’riskju ta’ faqar jew tal-esklużjoni soċjali għal persuni akbar fl-età
żdiedet, speċjalment għal dawk li għandhom 75 sena jew aktar, avolja kien hemm
titjib fejn tidħol id-diskrepanza relattiva tal-faqar għal persuni li għandhom
65 sena jew aktar.
Ir-rapport
imsemmi dwar il-pensjonijiet jirrakkomanda wkoll indiċizzazzjoni xierqa
tal-pensjonijiet biex tittaffa l-erożjoni tas-setgħa tax-xiri tal-pensjonanti.
Din għandha tinkludi ġabra ta’ prodotti u servizzi meħtieġa minn persuni akbar
fl-età. Il-formula rrakkomandata tirrifletti kemm l-inflazzjoni fil-pagi (50
fil-mija) kif ukoll l-inflazzjoni fil-prezzijiet bl-imnut (50 fil-mija).
Dan jirrakkomanda
wkoll il-possibbiltà li n-nies joħolqu l-iskemi ta’ pensjonijiet tagħhom
minflok dik tal-istat. B’rabta ma’ dan nixtieq inżid li l-gvern attwali waqqaf
l-isforzi li kienu qed isiru qabel f’Malta biex tiġi inkluża pensjoni tat-tieni
pilastru li tista’ tgħin biex jitrawmu r-responsabbiltà u s-sostenibbiltà.
Meta wieħed iqis
li eluf ta’ pensjonanti qed ibatu biex jirniexxielhom ilaħħqu mal-għoli
tal-ħajja, wasal iż-żmien li l-Ministru tal-Finanzi jintroduċi miżuri
sostantivi fil-baġit li jmiss. Inkella, ser ikollhom ikomplu jagħmlu
sagrifiċċji personali jew jiddependu minn sorsi oħrajn ta’ dħul u għajnuna,
jekk dawn ikunu disponibbli għalihom, biex ilaħħqu.
Malta teħtieġ
kunsens nazzjonali dwar il-politika tal-pensjonijiet: ejjew nintrabtu li
jkollna solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan soċjetà li jimpurtaha.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 30 ta' Settembru 2018