Sunday, September 09, 2018

Meta ser jitħallsu lura l-kontijiet żbaljati tad-dawl u l-ilma? Michael Briguglio



Qabel ma l-ħidma parlamentari waqfet għall-btajjel tas-sajf, il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi ħabbar li kien ser isir proċess ta’ reviżjoni tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Bosta jistennew ftehim ġust b’rabta mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma aktar spissi u aktar għoljin li qed jaslulhom. Il-pubbliku ilu jaf b’ din is-sitwazzjoni tal-inqas mill-2017meta nfetħet kawża fil-qorti minn żewġ konsumaturi dwar il-metodu użat mill-ARMS biex jiġi kkalkulat il-konsum tal-enerġija.

Xi xhur ilu, xi esperti qajmu kuxjenza dwar din il-problema u konsegwentement is-soċjetà ċivili impenjat ruħha f’din il-kwistjoni permezz tal-kampanja ‘Up in ARMS’. Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista u l-mezzi tax-xandir indipendenti raw li s-sistema illegali tal-kontijiet issir kwistjoni ta’ importanza nazzjonali.

Il-liġi ta’ Malta tiddikjara b’mod ċar li kontijiet bħal dawn għandhom ikunu msejsa fuq tariffa ta’ konsum ibbażata fuq konsum kumulattiv fis-sena, iżda fil-fatt qed tintuża sistema ta’ kontijiet kull xahrejn b’rati ta’ imgħax dejjem jakkumulaw u theddid li l-konsumaturi jitneħħew minn fuq il-grilja jekk ma jħallsux. Is-sistema hi kkontrollata mill-monopolju tal-gvern, l-Enemalta, li tqabbad lill-ARMS – monopolju ieħor – biex toħroġ il-kontijiet.

Sa issa, ħafna qarrejja saru konxji mill-mod kif is-sistema tal-kontijiet qed tisraqhom. Tabilħaqq, kull xahrejn qed jittiħdulhom il-kwoti annwali permezz ta’ kontijiet maqsumin f’perjodi iqsar, jiġifieri l-konsumaturi malajr jibdew iħallsu rati ferm ogħla mill-10ċ5 imwiegħda. Kwoti annwali ta’ tariffi ta’ 2,000 unità b’10ċ5 u 4,000 unità bi 12ċ9 qed jinqasmu fi kwoti iżgħar fi ħdan il-kontijiet aktar spissi li fil-fatt qed jintbagħtu.

Għaldaqstant, jekk il-konsum ta’ dar f’sena partikolari jkun fil-limitu tal-kwota annwali totali, dik id-dar tista’ xorta waħda tispiċċa tirċievi kontijiet fil-faxex aktar għoljin kull xahrejn. Xi konsumaturi qed iħallsu b’rati ferm ogħla inħabba din is-sistema – b’aktar minn 60ċ kull kWh. Kieku s-sistema li qed tintuża bħalissa kienet qed tħares il-liġi, il-konsumaturi li l-konsum tagħhom huwa fil-limitu tal-kwota annwali totali jitħallsu lura għall-ħlasijiet żejda – kif jiġri fis-sistema tat-taxxi f’Malta.

Huwa rilevanti wkoll li ninnotaw li bosta djar qed jiġu mċaħħda wkoll mill-eko-reduzzjoni tagħhom. Familja ta’ ħamsa u resident waħdani t-tnejn li huma jirċievu l-istess 2,000 unità b’10ċ5. Iżda filwaqt li l-familja ta’ ħamsa qabel kienet tieħu skont jekk il-konsum tagħha jkun fil-limitu ta’ kwota annwali, issa dan ukoll jista’ jintilef bil-metodu li qed jintuża.

Fl-istess waqt, l-ARMS qed tieħgu vantaġġ ukoll mis-sistema ta’ kontijiet ta’ kull xahrejn bis-saħħa ta’ fluss qawwi ta’ flus minn ħlasijiet u imgħax bi spejjeż tal-konsumaturi. L-anqas li tista’ tagħmel hu li tagħti lura l-ħlasijiet żejda lill-konsumaturi.

Is-sistema ta’ kontijiet li qed tintuża bħalissa għandha wkoll problemi oħrajn, bħall-fatt li bosta persuni li jikru qed iħallsu rati domestiċi u mhux rati residenzjali, u b’hekk qed ikollhom kontijiet ogħla, u l-fatt li parti mill-enerġija fotovoltajka li qed tiġi ġġenerata mhijiex tiġi rreġistrata.

Dan kollu jiffavorixxi lill-ARMS bi spejjeż tal-konsumatur. Il-familji akbar, il-pensjonanti u l-persuni li jgħixu fi proprjetà mikrija, fosthom eluf ta’ persuni barranin, huma l-aktar li qed ibatu, iżda l-gvern qiegħed jieħu l-affarijiet bil-lajma.

Tabilħaqq, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u tal-Ilma u l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur kienu notevoli bin-nuqqas tagħhom dwar il-kwistjoni kollha. Ta’ min inqabblu n-nuqqas ta’ reazzjoni tagħhom mal-istqarrija pubblika immedjata tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur dwar iż-żieda fil-prezz tal-pastizzi.

Is-sitwazzjoni hija ċara, iżda l-pubbliku qed jingħata ftit li xejn tagħrif jew inkella qed isirulu wegħdiet vagi ta’ reviżjoni mill-gvern. L-inqas ħaġa li jista’ jagħmel il-gvern f’dan l-istadju hi li jiddikjara li ser iħallas lura lill-persuni li nsterqu, u mbagħad jiddikjara l-ammont preċiż ladarba jkunu ġew iffinalizzati l-kalkoli għad-djar individwali.

Jekk dan ma jsirx, ser ikollhom jittieħdu azzjonijiet oħra permezz tal-mezzi legali u politiċi eżistenti. Nittamaw li s-sitwazzjoni tissolva mill-aktar fis possibbli u li s-sistema ta’ kontijiet attwali mhijiex qed tintuża biex jiġu ffinanzjati ftehimiet mhux trasparenti tal-gvern fix-xiri u l-ġenerazzjoni tal-enerġija.

Sadanittant, l-għoli tal-ħajja f’Malta jibqa’ jiżdied. Il-fjuwil huwa l-eżempju l-aktar reċenti: għal darb’oħra, hu involut monopolju tal-gvern, u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu nieqsa mit-trasparenza.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 9 ta' Settembru 2018