Din mhijiex xi ħaġa
ġdida fil-kultura Maltija. Id-diviżjoni binarja tagħna fil-politika, fil-festi,
fil-lingwa u f'aspetti oħrajn ilha tul ta' żmien sew. Sa ċertu punt, dan huwa
tajjeb għax jagħtina l-motivazzjoni biex nitjiebu. Iżda dak li jinkwetani huwa
li l-għodod tal-komunikazzjoni, bħal Facebook u t-taqsimiet tal-kummenti
tal-gazzetti fuq l-internet, sikwit jitniġġsu minflok b'kummenti tossiċi.
Din it-tossiċità
kultant tinstab ukoll f'artikli, blogs u diversi għamliet ta' intervent
politiku. B' 'politiku' ma nixtieqx infisser biss aħmar jew blu. Qed nirreferi
aktar għall-perspettiva ta' 'aħna' u
'huma', fejn 'aħna'
dejjem għandna raġun u 'huma' dejjem żbaljati, anke jekk il-fatti juru mod
ieħor. Nistgħu nsejħulha konfoffa dwar dinja ċatta fil-politika Maltija. Din
it-tossiċità taqsam kuluri, konfini, gruppi, partiti u fazzjonijiet differenti.
Il-protagonisti ta'
tossiċità bħal din jinkludu wkoll trolls: persuni li jista' jkun li jużaw
l-identitajiet reali tagħhom jew identitajiet foloz (jew it-tnejn) u li spiss
jaqgħu f'insulti, lingwaġġ degradanti u, xi drabi, anke gideb, kontra dawk li
huma jqisu għedewwa. Komunikazzjoni bħal din twassal biss biex jifqar
id-djalogu. Il-bilanċ jintrema, il-kompromess jitqies dgħufija, u jirbaħ
l-għoti ta' tort lil ħaddieħor.
Din it-tip ta' mġiba
hija għamla oħra ta' bullying. U jrid jingħad li l-bullying fuq l-internet
jista' jkun daqstant ħażin daqs il-bullying li qed insiru dejjem aktar konxji
dwaru, pereżempju fl-iskejjel u l-postijet tax-xogħol.
Nemmen li dawk fostna li
aħna attivi fil-politika, il-ġurnaliżmu, in-negozju, it-tfassil tal-politika u
l-attiviżmu għandna d-dmir li niskoraġġixxu mġiba bħal din u minflok nagħmlu
l-almu tagħna għal djalogu produttiv. Madankollu, din ir-responsabbiltà għandha
tkun tas-soċjetà kollha: kull wieħed minna idealment għandu jagħti kontribut
għal sitwazzjoni fejn il-komunikazzjoni tagħna ma tkunx imniġġsa b'tgħajjir,
gideb, fabrikazzjonijiet u fundamentaliżmu.
Biex nimxu lejn
sitwazzjoni bħal din, nistgħu nieħdu ċerti passi. Hawn taħt insemmi xi wħud
minnhom.
L-ewwel nett, għandna nagħrfu li hemm perspettivi differenti u li jista' jkun hemm konverżazzjoni bejniethom. Biex din il-konverżazzjoni tkun tista' sseħħ, hija essenzjali l-umiltà. Xi wħud minna jista' jkollhom aktar għarfien dwar ċerti suġġetti minn oħrajn. Pereżempju, dentist x'aktarx ikollu aktar għarfien dwar il-kawża ta' uġigħ fid-dras milli tista' tagħtina tfittxija ta' tliet minuti f'Google. Bl-istess mod, persuna li studjat l-ippjanar urban probabbilment taf aktar dwar l-għeruq tal-problemi tat-traffiku minn kummentatur b'burdata ħażina wara li jkun weħel fit-traffiku. U mħallef normalment jagħmel aktar riċerka msejsa fuq l-evidenza dwar każ milli jagħmel xi ħadd li jkun qed iwieġeb mistoqsija f'vox pop.
L-umiltà tfisser ukoll
li lkoll nagħrfu li għandna ħafna x'nitgħallmu u li ħadd ma għandu t-tweġibiet tajbin
għall-mistoqsijiet kollha: li tkun espert f'qasam ma jfissirx neċessarjament li
tifhem f'oqsma oħrajn.
Huwa wkoll ferm
importanti li nisimgħu attivament. Li nisimgħu jfisser li tassew nagħtu
importanza lil fehmiet oħrajn u mhux li jkollna tweġiba lesta tgħid x'tgħid
il-persuna l-oħra. Jew, saħansitra agħar, li nistmerru l-messaġġier mhux
minħabba l-messaġġ tiegħu iżda għax jinzerta mhuwiex parti mill-grupp tagħna.
Għaldaqstant, huwa kruċjali li nżommu moħħna miftuħ qabel naslu għal deċiżjoni.
L-istil
tal-komunikazzjoni tagħna wkoll huwa importanti ħafna. Ma hemm xejn ħażin li ma
naqblux u dan jista' jsir mingħajr ma nduru għat-tgħajjir jew għal kummenti
dispreġjattivi. Nistgħaġeb li aħna tant konxji dwar il-korrettezza politika
iżda mbagħad ma niddejqu xejn ninsulentaw lill-avversarji politiċi tagħna,
pereżempju permezz ta' elitiżmu klassist jew, min-naħa l-oħra, l-anti-intellettwaliżmu.
Forsi lkoll neħtieġu xi lezzjonijiet fil-komunikazzjoni u l-etika bażiċi.
Nistgħu wkoll
nippruvaw inkunu kostruttivi, insibu punti li naqblu dwarhom u nagħrfu li xi
problemi u kwistjonijiet huma kumplessi ħafna u jinvolvu bosta aspetti
differenti. Xi kultant il-mistoqsijiet ma jkollhomx tweġibiet sempliċi.
Forsi kollha kemm
aħna nistgħu nibdew l-istaġun politiku li jmiss billi nippruvaw inġibu ruħna
b'mod edukat u nkunu raġonevoli. Ejjew nibnu pontijiet, mhux ħitan. U ejjew
inqisu li ma nitimgħux lit-trolls.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 26 ta' Awwissu 2018
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 26 ta' Awwissu 2018