Dawn huma aħbarijiet inkuraġġanti, u għandna ngħidu prosit lill-Awtoritajiet tas-Saħħa li qed jimxu ma' l-evidenza u l-pariri xjentifiċi, lill-ħaddiema f'oqsma bħas-saħħa u s-sigurta', u lill-poplu Malti li qed juri sens kbir ta' komunita' u responsabilita' billi jimxi mal-pariri ta' l-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Iżda kif qalu l-istess Dr Fearne u Prof Gauci, importanti li nibqgħu noqogħdu attenti u li nkunu kawti u responsabbli fil-gwerra kontra l-Coronavirus. L-Oppożizzjoni, bl-iktar mod responsabbli, ukoll qed tirrakomanda li nsegwu l-awtoritajiet tas-saħħa u qed tkun kostruttiva fir-rwol tagħha.
Mela ejja lkoll nibqgħu insegwu l-parir ta' l-Awtoritajiet sabiex nevitaw problemi bħal mewġa oħra tal-Coronavirus.
Bl-istess mod kif il-Gvern miexi b'mod għaqli u infurmat dwar il-politika ta' saħħa, nappella li jagħmel l-istess fil-politika ekonomika u soċjali. Huwa veru li l-Gvern daħħal numru ta' miżuri tajbin, iżda huwa veru ukoll li ta' kuljum qed toħroġ evidenza soċjali u ekonomika li juru li hemm bżonn ta' iktar miżuri f'dawn l-oqsma. Fost oħrajn hemm każijiet ta' tbatija, faqar, esklużżjoni soċjali, u ta' ħaddiema, self-employed, imprendituri u kumpaniji li qed jesperjenzaw problemi finanzjarji iżda ġew esklużi mill-pakketti tal-gvern.