L-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat il-policy riveduta dwar il-pompi tal-fjuwil b’għaxar bidliet ewlenin fosthom limitu fuq l-ammont u d-daqs tal-pompi. Din il-policy hija ferm aħjar minn dik li kienet approvata preċedentament mill-Gvern Laburista, liema policy kienet ġabet kritika wiesgħa fis-soċjeta' Maltija. Il-pressjoni saret b'modi varji: Fost oħrajn permezz ta' proposti minn bosta ilħna ambjentali bħall-NGOs u l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, protesti tal-Moviment Graffitti, pressjoni fuq il-media, u ħidma parlamentari. F'dan ir-rigward, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tkellmet favur il-protezzjoni ta' art ODZ u art agrikola, u kontra l-ispekulazzjoni ta' l-art.
Dan jikkonferma l-importanza li jkun hemm ilħna varji, kemm politiċi kif ukoll mis-soċjeta' ċivili, li jagħmlu pressjoni fuq kwistjonijiet nazzjonali.
Fost kwistjonijiet nazzjonali oħrajn li għandu quddiemu l-pajjiż, hemm dik tat-tlett sptarijiet pubbliċi li ingħataw lill-Vitals imbagħad lil Steward. L-Oppożizzjoni qed iġġib din il-kwistjoni quddiem il-Parlament b’mozzjoni biex il-ftehim jiġi kkanċċellat u biex il-membri kollha tal-Parlament jiddikjaraw jekk humiex favur jew kontra dan id-deal skandaluż. S'issa l-Vitals u Steward ħadu iktar minn 250 miljun Ewro, u l-Gvern iffirma ftehim li jagħti €100 miljun oħra u ħlas tad-djun lil Steward mit-taxxi tal-poplu jekk il-kuntratt jiġi kkanċellat. Sa dan it-tant il-poplu qed jinsteraq ma kull ġurnata li tgħaddi.
Quddiem skandlu bħal dan, jeħtieġ li l-ġid komuni jiġi qabel interessi settarji.