Wednesday, April 08, 2020

#Ħsibijiet (24) Surplus dipendenti fuq il-bejgħ tal-passaporti

Ftit tal-ġranet ilu l-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika ippubblika n-nefqa u d-dħul totali tal-Gvern bejn Jannar u Diċembru ta' l-2019. Fil-fond konsolidat ('il-kaxxa ta' Malta'), irriżulta surplus ta' 9.4 miljun Ewro. Fl-istess perjodu tal-2018 irriżulta defiċit ta' 70.2 miljun Ewro u fl-2017 kien hemm surplus ta' 182.7 miljun Ewro.  Il-figuri jistgħu jinqraw hawnhekk:
https://nso.gov.mt/en/News_Releases/Documents/2020/03/News2020_052.pdf

Dan ifisser li minkejja li l-finanzi tal-Gvern irriżultaw f'surplus is-sena l-oħra, dan hu ferm inqas minn dak tal-2017. 

Jekk tqis il-bejgħ tal-passaporti, tikkonkludi li pajjiżna hu wisq dipendenti fuq din l-inizjattiva kontroversjali. 70% fil-mija tad-dħul ta' dawn imur f'fond separat mill-fond konsolidat, u 30% imorru fil-fond konsolidat, taħt 'Fees of Office' (11118 - Uffiċju tal-Prim Ministru, line item 0348 (1630)). Fl-2018 il-Gvern daħħal ftit iktar minn 44 Miljun Ewro mill-bejgħ tal-passaporti u l-istima għall-2019 kienet ta' 36 miljun Ewro. Skont l-aħħar rapport uffiċjali dwar il-bejgħ tal-passaporti, Malta daħlet 271.6 miljun Ewro, jiġifieri 2.11 tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż.  Iżda dawn il-figuri huma għat-12 il-xahar bejn Lulju 2018 u Ġunju 2019, u kif spjegajt hawn fuq, 70% marru f'fond separat u 30% marru fil-Fond Konsolidat. 


Għal din is-sena il-Gvern għamel stima ta' 50 miljun Ewro mill-bejgħ tal-Passaporti fil-fond Konsolidat (it-30%), jiġifieri dipendenza ikbar fuq din l-inizjattiva kontroversjali. Il-figuri jistgħu jinqraw hawnhekk:
https://mfin.gov.mt/en/The-Budget/Pages/The-Budget-2020-GD-9691.aspx

Huwa ċar li mingħajr il-bejgħ tal-Passaporti, Malta ma kienetx tagħmel surplus ta' 9.4 miljun Ewro is-sena l-oħra. Huwa għaqli li pajjiżna hu daqshekk dipendenti fuq din l-iskema kontroversjali?

Fl-isfond tal-kriżi tal-Coronavirus, huwa importanti li pajjiżna jinvesti f'proċess ta' deliberazzjoni favur miżuri ekonomiċi sostenibbli.