Sunday, March 24, 2019

Proposti għal ambjent aħjar – Michael Briguglio



Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ ġid għall-politika ambjentali, iżda pajjiżna għadu lura f’bosta aspetti ambjentali meta mqabbel mal-bqija tal-Unjoni. Dawn jinkludu l-kwalità tal-arja, l-immaniġġar tal-iskart u l-użu ta’ enerġija rinnovabbli.

Għalkemm il-Prim Ministru wiegħed li jneħħi l-impjant tal-enerġija li sejjaħ “fabbrika tal-kanċer”, il-kwalità tal-arja marret għall-agħar l-aktar minħabba ż-żieda fil-karozzi privati u politika tat-trasport mhux sostenibbli. L-immaniġġar tal-iskart donnu aktar immaniġġar ta’ kriżi milli viżjoni fit-tul, u, minkejja xi titjib żgħir, il-Magħtab reġa' lura għall-intejjen ta' qabel. Jidher ċar ukoll li l-gvern mhuwiex qed iħares lejn il-ġejjieni f’dak li jirrigwarda l-bini u l-iskart mit-twaqqigħ tal-bini, li jammonta għal 85 fil-mija tal-volum tal-iskart f’Malta. Filwaqt li ħafna minn dan jiġi rriċiklat u użat mill-ġdid fi stati membri oħrajn tal-UE, il-Gvern għad m’għandux pjan sostenibbli koerenti għal Malta. L-użu tal-enerġija rinnovabbli żdied ftit, iżda Malta għadha ma laħqitx il-miri tagħha għall-2020 u l-pajjiż jiddependi mill-gass mill-Ażerbajġan li jiswa aktar minn alternattivi oħrajn.

Personalment ili attiv għall-ambjent mid-disgħinijiet. Kont attiv f'kampanji ta' suċċess kontra l-iżvilupp żejjed, u ħafna mir-riċerka soċjoloġika tiegħi kkonċentrat fuq il-politika ambjentali b'enfasi fuq is-sħubija ta' Malta fl-UE. Bħala politiku u kunsillier lokali, dejjem kont fuq in-naħa tar-residenti. Preżentament qed nieħu sehem attiv ukoll fit-tfassil tal-politika ambjentali tal-Partit Nazzjonalista. Bħala kandidat għall-Parlament Ewropew, dawn huma l-proposti ewlenin tiegħi b'rabta mal-ambjent.

Jien nemmen li għandu jkun hemm klawżoli speċjali għall-ħarsien tal-ambjent tal-gżejjer żgħar. Pereżempju, il-Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali (fosthom il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali u tat-traffiku) għandhom ikunu applikabbli wkoll għal żvilupp fuq skala żgħira b'impatti kumulattivi fuq il-lokalitajiet. Dawn għandhom ikunu applikabbli f'lokalitajiet li għaddejjin minn bidla rapida minħabba għadd ta' żviluppi fuq skala żgħira li għandhom effetti kbar pereżempju fuq il-parkeġġ, it-traffiku, il-konġestjoni, id-dehra tal-orizzont u l-pajsaġġ tat-toroq. Proposti għal żviluppi bħal dawn għandhom jiġu evalwati kif xieraq qabel jiġu approvati.

Nemmen ukoll li Malta teħtieġ monitoraġġ aħjar tal-istandards ambjentali sabiex jiġi żgurat li d-direttivi tal-UE jiġu applikati aħjar. Fl-istess waqt, għandhom isiru sforzi akbar biex jinkisbu fondi tal-UE għat-tnaqqis tat-tniġġis u l-finanzjament tat-tindif u l-immaniġġar tal-iskart.

Jien nappoġġa wkoll l-isforzi għall-projbizzjoni tal-plastik b'użu waħdani li tant jagħmel ħsara, per eżempju lill-ħlejjaq marittimi. Iżda din titlob konsultazzjoni fil-fond biex jiġi żgurat li n-negozji u l-ħaddiema fis-settur ikunu jistgħu jaqilbu għal mod ta' ħidma sostenibbli, filwaqt li jinħolqu impjiegi ekoloġiċi.

Ikun ta' ġid għal gżejjer żgħar bħal Għawdex u Malta jekk l-UE tintroduċi standards għall-ħarsien tas-siġar u l-ispazji pubbliċi. Dawn jagħtu aktar setgħa lir-residenti, is-soċjetà ċivili u l-kunsilli lokali biex iħarsu l-wirt naturali u pubbliku tagħhom.

B'rabta mal-innovazzjoni u r-riċerka, Malta għal darb'oħra għadha lura meta mqabbla mal-bqija tal-Unjoni. Hemm bżonn ta' aktar fondi nazzjonali u Ewropej f'oqsma bħall-effiċjenza fl-enerġija, il-konservazzjoni tal-enerġija u l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi. Biżżejjed niftakru li Għawdex għadu kif tilef opportunità biex jingħaqad ma' 26 gżira Ewropea oħra fit-tranżizzjoni għal enerġija nadifa bl-appoġġ tas-Segretarjat tal-Kummissjoni Ewropea għall-Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE. Dan kien diżappunt kbir: għandna nieħdu ħsieb li Malta tapplika għal fondi bħal dawn.

Huwa kruċjali wkoll li nagħrfu li n-negozji interessati fi tranżizzjonijiet ekoloġiċi u l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi jeħtieġu assistenza u kundizzjonijiet speċifiċi fid-dawl tar-realtà ta' Malta bħala gżira żgħira. Għal darb'oħra, dan jirrikjedi determinazzjoni kif ukoll ir-rieda li nsemmgħu leħinna favur kundizzjonijiet għall-gżejjer żgħar li jistgħu jkunu differenti minn dawk għal pajjiżi akbar. Ikun utli wkoll li jkollna strutturi ta' finanzjament li jsaħħu l-mikroinvestiment għal inizjattivi iżgħar f'enerġija rinnovabbli u nadifa, u b'hekk jiġu megħjuna l-individwi, il-gruppi u l-kunsilli lokali interessati.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 24 ta' Marzu 2019