Ftit jiem ilu, 26
gżira Ewropea nedew tranżizzjoni għall-enerġija nadifa bl-appoġġ
tas-Segretarjat tal-Kummissjoni Ewropea għall-Enerġija Nadifa għall-Gżejjer
tal-Unjoni Ewropea.
Il-gżejjer huma
Hvar, il-Kroazja; New Caledonia, Franza; Pantellerija, l-Italja; A Illa de
Arousa, Spanja; Brač, il-Kroazja; Kreta, il-Greċja; l-Azores, il-Portugall;
Gotland, l-Iżvezja; Korčula, il-Kroazja; Samos, il-Greċja; Ibiza, Spanja;
Öland, l-Iżvezja; Kökar, il-Finlandja; Cape Clear, l-Irlanda; Mallorca, Spanja;
Orkney, ir-Renju Unit; Marie-Galante, Franza; Favignana, l-Italja; Menorca, Spanja
u grupp ta’ gżejjer Skoċċiżi mhux konnessi mal-grid tal-enerġija, ir-Renju Unit.
Il-qarrejja
Għawdxin u Maltin minnufih ser jintebħu li ż-żewġ gżejjer huma nieqsa
mil-lista. Filwaqt li seta’ kien diffiċli li Malta tippreżenta strateġija għal
tranżizzjoni fl-enerġija għall-gżira kollha, kif kienet l-enfasi tal-ewwel
fażi, dan faċilment seta’ kien possibbli għal Għawdex. Inċidentalment, il-gvern
Malti kien wieħed minn dawk li oriġinarjament iffirmaw id-dikjarazzjoni dwar
il-Gżejjer ta’ Enerġija Nadifa fl-2017. Iżda, mbagħad, l-istess gvern ma
applikax għal fondi għall-enerġija nadifa għal Għawdex.
Dan huwa ferm
diżappuntanti. Għawdex qed jiġi mċaħħad minn triq sostenibbli li twassal għal
aktar awtosuffiċjenza fl-enerġija, enerġija aktar nadifa u l-ħolqien ta’
postijiet tax-xogħol ekoloġiċi. Kif nistgħu nieħdu lill-gvern Malti bis-serjetà
dwar il-miri tiegħu b’rabta mat-tibdil fil-klima meta jeskludi lill-gżira
tiegħu stess, Għawdex, mil-fondi tal-UE għat-triq lejn enerġija nadifa?
Nittama li
d-deċiżjoni tal-gvern ma kinitx imsejsa fuq il-fatt li rabat lil Malta biex
tiddependi minn gass bi prezz għoli mill-Ażerbajġan, li qed jiswa lil min
iħallas it-taxxa miljuni ta’ euro żejda kull sena u li qiegħed iwassal għal
kontijiet ogħla tad-dawl u tal-ilma.
Sadanittant,
personalment staqsejt lis-segretarjat tal-inizjattiva Enerġija Nadifa
għall-Gżejjer tal-UE jekk għadx għandna ċans napplikaw għal proġetti ta’
finanzjament. Ġejt mgħarraf li aktar tard din is-sena tabilħaqq ser ikun hemm
sejħa oħra għal applikazzjonijiet għal appoġġ għal proġetti speċifiċi ta’
enerġija rinnovabbli. Proġetti li jinvolvu varjetà ta’ partijiet interessati
differenti (mis-soċjetà ċivili, kunsilli lokali, negozji lokali sa
istituti edukattivi lokali) ser ikunu jistgħu jirċievu pariri teknoloġiċi u/jew
finanzjarji mmirati apposta għalihom. Proġetti kemm minn Malta kif ukoll minn
Għawdex jistgħu jikkwalifikaw għal din l-inizjattiva. Nistenna bil-ħerqa li
l-gvern Malti jiżgura li l-partijiet interessati kollha jkunu infurmati sewwa
dwar l-opportunitajiet u li jitressqu għadd ta’ applikazzjonijiet biex titgawda
din l-opportunità strateġika għat-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa
fil-gżejjer tagħna.
Hija l-pożizzjoni
tiegħi bħala kandidat għall-Parlament Ewropew li l-investiment fir-riċerka dwar
l-enerġija għandu jkun imqassam b’mod aktar bilanċjat madwar l-UE; li
l-investiment fl-enerġija għandu jagħti prijorità lil forom ta’ enerġija
rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u l-konservazzjoni tal-enerġija; li
l-għajnuna lill-industrija għandha tqis ir-realtajiet fil-gżejjer żgħar; u li
l-mikroinvestiment fl-enerġija rinnovabbli għandu jkollu aktar opportunitajiet
għal fondi tal-UE.
Nemmen f’Unjoni
Ewropea fejn il-gżejjer żgħar ikollhom leħen qawwi. Ejjew niżguraw li kemm
Għawdex kif ukoll Malta jgawdu l-benefiċċji ta’ strateġija bħal din.
Dan l-artiklu deher fil-Mument