Sunday, March 17, 2019

Nies ta’ veru f’Malta ta’ veru – Michael Briguglio



Nies ta’ veru f’Malta ta’ veru: persuni bi stejjer tal-ħajja, esperjenzi, ħtiġijiet u opportunitajiet speċifiċi. Persuni li lkoll jgħixu ħajja ta’ kuljum unika, u jaqsmu affarijiet komuni ma’ ħaddieħor kif ukoll differenzi minn ħaddieħor. Xi wħud mhumiex għaddejjin mill-aqwa żmien.

Pereżempju, ir-raġel marradi li għandu kważi ħamsin sena u li jgħix ma’ ommu marida li għandha ‘l fuq minn sebgħin. Kellha tbigħ kollox biex tidfen lil żewġha u issa hi u binha qed iħabbtu wiċċhom ma’ żgumbrament filwaqt li jistennew akkomodazzjoni soċjali flimkien ma’ bosta oħrajn fuq il-lista ta’ stennija.

L-omm single li tieħu ħsieb lit-tfal tagħha u lil ommha li tuża siġġu tar-roti. Jgħixu fi proprjetà substandard iżda ma jistgħux ilaħħqu mal-prezz tal-kera u dalwaqt ser ikollhom jitilqu minn hemm.

Il-ħaddiema single li tgħix f’akkomodazzjoni soċjali li nbniet ftit snin ilu. Iżda l-ħitan mimlijin moffa minħabba l-ilma li jgħaddi minnhom bil-mod il-mod.

Il-koppja anzjana li jibżgħu mill-wasla tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. L-uniku passatemp tar-raġel huwa li jiltaqa’ mal-ħbieb tiegħu anzjani fil-workshop tiegħu. Ser ikollu jiċċaħħad minn dan biex ilaħħaq mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma?

Ir-raġel li jgħix viċin żvilupp illegali li ilu jaffaċċa avviżi ta’ infurzar mill-1997. Sadanittant, qed jiġi mmanifatturat is-siment f’żona agrikola. Ħafna trab u storbju. Fl-istess raħal, ikomplu jsiru illegalitajiet oħrajn għax l-Awtoritajiet jagħtu skużi burokratiċi biex ma jagħmlu xejn.

Il-perit li rrifjuta li jiċċertifika xogħol ħażin, ingħata trasferiment u kellu jitlaq mis-settur pubbliku għax ma setax jissaporti l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Iż-żagħżugħ li jgħix mal-ġenituri tiegħu għax ma jistax ilaħħaq mal-prezz tal-kera u ma għandux il-mezzi biex jixtri proprjetà, minkejja li għandu dħul medju u qiegħed jagħmel dottorat.

Il-mara anzjana bi tliet slip discs li għandha bżonn urġenti ta’ carer. U l-ħafna persuni akbar fl-età li jħossuhom waħedhom qalb il-pajsaġġ urban.

L-attivisti u l-akkademiċi li l-proposti tagħhom ġew injorati jew intużaw biss bħala opportunità għal ritratt.

Il-ħaddiem tal-Wasteserv li jissimpatizza mal-Partit Laburista u jinsab ixxukkjat fuq it-tmexxija ħażina u l-prattika fqira fil-Magħtab.

L-omm separata ta’ tlett itfal li għandha ‘l fuq minn ħamsin sena li jirnexxielha taqla’ 1,200 euro fix-xahar iżda li l-kont tal-kera tagħha huwa 850 euro fix-xahar.

Il-mara b’diżabilità li tingħata allowance ta’ 20 Euro 38 ċenteżmu biss fil-ġimgħa. 38 ċenteżmu aktar milli kienet tingħata sena ilu.

Il-ħaddiem fiċ-ċivil li ma jistax isemma’ leħnu għax jibża’ mir-riperkussjonijiet.

Din hi parti żgħira min-nies li ltqajt magħhom dan l-aħħar. Permezz tal-politika, is-soċjoloġija u l-attiviżmu stajt niltaqa’ ma’ bosta nies fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena. Kultant tkun tista’ tagħmel xi ħaġa dwar il-problema tagħhom u tgħinhom, filwaqt li drabi oħra tħossok bla setgħa u tkun tista’ biss tempatizza.

Dawn in-nies jistħoqqilhom id-dinjità. Jistħoqqilhom li jinstemgħu. Il-mara u r-raġel minsijin jistħoqqilhom empatija u azzjoni, u mhux priedki minn fuq pedestall.

Il-politika fi ħdan il-komunità tfisser li l-politiċi jiltaqgħu b’mod attiv man-nies biex attivament isiru jifhmu l-firxa wiesgħa ta’ realtajiet li għandna fostna llum il-ġurnata. Għax mingħajr għarfien veru tas-soċjetà tagħna, huwa diffiċli li titfassal politika b’dimensjoni soċjali.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 17 ta' Marzu 2019