Riċentament ġie ppublikat ir-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent, li jirrapporta dwar il-qagħda tal-ambjent f’Malta u jkopri informazzjoni xjentifika mill-2009 sal-2015.
Ir-rapport li hu taħt l-awspiċi ta’ l-Awtorita’ dwar l-Ambjent u r-Riżorsi jikkonferma dak li l-Partit Nazzjonalista, l-esperti fil-politika u s-soċjetà ċivili ilhom jgħidu dwar diversi kwistjonijiet. Juri li filwaqt li sar xi progress fil-bijodiversità bejn l-2009 u l-2015, l-oqsma l-oħrajn tal-ambjent jinsabu f’qagħda mwiegħra.
Fost is-sejbiet ta’ dan ir-rapport hemm li d-densità tal-popolazzjoni ta’ Malta hija ferm ogħla mill-medja tal-UE. Filwaqt li Malta għandha densità ta’ 1,450.2 persuna/km2 il-medja tal-UE hija 118-il persuna/km2. Nafu ukoll li fl-2015, il-produzzjoni tal-iskart f’Malta kienet fl-ogħla livelli li qatt kienet. Dan hu nkwetanti meta nafu li Malta tirriċikla biss 7% tal-iskart kollu tagħha.
Fl-2015 Malta kellha wkoll l-ogħla livell li qatt kellha ta’ elettriku kkunsmat. Fl-istess sena, 35.6% tal-permessi tal-iżvilupp ingħataw fuq art verġni. Ir-rapport jisħaq li l-impatt kumulattiv tal-iżvilupp fuq l-art verġni limitata hu raġuni għal tħassib.
L-istokk ta’ vetturi bil-mutur bil-liċenzja laħaq kważi 350,000 fl-2015, b’1.24 abitant għal kull vettura. Ir-rapport jgħid li għad hemm ħtieġa urġenti li l-alternattivi ta’ trasport pubbliku għall-użu tal-karozza privata jsiru attraenti u li n-nies ikunu jistgħu joqogħdu fuqhom.
Ta’ min iżomm f’moħħu li fl-aħħar tliet snin il-Gvern kien iktar aggressiv f’numru ta’ policies li għandhom effett fuq l-ambjent. Filwaqt li rridu nistennew għal Rapport li jkopri dawn l-isnin biex inkunu nkejllu dan l-impatt b’mod xjentifiku, bosta effetti huma viżibli fil-ħajja ta’ kuljum f’Malta u Għawdex.
Il-mudell ekonomiku tal-gvern hu msejjes fuq tkabbir rapidu fil-popolazzjoni permezz tal-importazzjoni ta’ ħaddiema, dipendenza eċċessiva fuq il-kostruzzjoni u nuqqas ta’ antiċipazzjoni tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali lil hinn miċ-ċiklu politiku attwali.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-kontribut tal-ħaddiema u l-familji tagħhom għall-ekonomija u s-soċjetà Maltija, aħna nemmnu li għandu jerġa’ jintiżen il-mudell ekonomiku tal-gvern li hu msejjes fuq riżultati rapidi, biex dan jinbidel għal mudell imsejjes fuq is-sostenibbiltà. Il-ħtiġijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi għandhom jiġu rrikonċiljati permezz ta’ metodu ta’ politika msejjes fuq l-evidenza li jqis l-opportunitajiet, l-impatti u r-riskji fuq medda qasira, medja u twila ta’ żmien.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista vara numru ta’ proposti li jkopru investiment u infurzar aħjar min-naħa tal-gvern; aktar involvment tal-komunità fil-ħarsien ambjentali; settur pubbliku ekoloġiku u Unjoni Ewropea li tagħti widen għall-ħtiġijiet tal-gżejjer żgħar.
Fosti affarijet oħra, qed nipproponu li ninċentivaw in-negozji ġodda fl-ekonomija ċirkolari u li nwaqqfu fond għall-innovazzjoni ekoloġika biex inkunu innovattivi u nadattaw it-teknoloġiji ekoloġiċi għall-kuntest Malti b’mod speċifiku.
Qed nippropnu li jkun hemm għassa ambjentali, fejn isir infurzar effettiv f’ċerti oqsma bħall-kostruzzjoni, l-istorbju, it-tniġġis tal-arja u t-tniġġis tal-baħar. Fdan ir-rigward, green community officers għandhom ikollhom awtorità ambjentali.
Qed nipproponu wkoll li jkun hemm inċentivi għar-residenti biex jipparteċipaw f’attivitajiet ekoloġiċi, pereżempju b’fondi lokali għal skemi tat-tħawwil tas-siġar u attivitajiet fil-komunità. Irridu nżidu d-disponibbiltà ta’ opportunitajiet akkademiċi fil-livell terzjarju għal riċerka, edukazzjoni u pubblikazzjonijiet. Għandna nnnaqqsu l-burokrazija u r-rekwiżiti minn fuq għal isfel għall-NGOs ambjentali u għal esponenti oħra tas-soċjetà ċivili (eż. artisti, akkademiċi) għal opportunitajiet ta’ finanzjament ekoloġiku. Għandna ngħinu lill-NGOs ambjentali u lill-kunsilli lokali permezz ta’ fondi għal appelli kontra proġetti kbar.
L-istess bħal ma qed tipproponi l-Kummissjoni Ambjentali tal-Knisja, nemmnu li l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali għandu jsir il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Sostenibbli. Naqblu ukoll li l-iżvilupp sostenibbli jiġi integrat fis-settur pubbliku kollu, taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru.
Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi ukoll implimentazzjoni ċara sabiex l-entitajiet u l-binjiet kollha tal-gvern ikunu jiffunzjonaw mingħajr karbonju. Għandu jiġi żgurat li l-iskema tal-Mexxejja Ambjentali (Green Leaders) tiġi implimentata: kull entità governattiva jkollha uffiċjal responsabbli għall-inizjattivi ekoloġiċi. Qed nipproponu ukoll li tissaħħaħ il-klawżola dwar green procurement fil-kuntratti pubbliċi.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, nemmu li għandu jkunn hemm monitoraġġ u rappurtar aħjar tal-istandards ambjentali biex niżguraw applikazzjoni aħjar tad-Direttivi tal-UE. Nemmnu ukoll li l-gżejjer żgħar jeħtieġu klawżoli speċjali biex jipproteġu l-ambjent u biex itejbu s-sostenibbiltà. Pereżempju l-obbligu li jsiru Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali jeħtieġ ikun japplika wkoll għal żvilupp fuq skala żgħira b’impatti kumulattivi fuq il-lokalitajiet.
Il-Partit Nazzjonalista ser iħabbar proposti ta’ politika speċifiċi f’oqsma ambjentali oħra fil-futur qrib. L-approċċ tagħna jista’ jitwettaq ladarba niġu eletti fil-gvern u permezz tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Kunsillieri Lokali tagħna.
Dan l-artiklu deher f'Newsbook