Fl-aħħar żewġ artikli tiegħi ddiskutejt diversi realtajiet, problemi,
inugwaljanzi u sfidi fis-sitwazzjoni fil-qasam tad-djar f'Malta.
Huwa ċar li ż-żieda msejsa fuq politika fil-popolazzjoni ta' Malta
wasslet għal żieda kemm fid-domanda għad-djar kif ukoll fil-prezzijiet.
B'konsegwenza ta' dan, dawk li setgħu jlaħħqu biss mal-orħos prezzijiet
tal-kera qegħdin jiġu mbuttati barra mis-suq.
Dawk l-individwi u l-familji li mhumiex sidien ta' proprjetà u li l-pagi
tagħhom iżommuhom milli jixtru jew jikru għaldaqstant qed iħabbtu wiċċhom ma'
għażliet xejn sbieħ.
Dawn il-persuni jeħtieġu interventi immedjati ta' politika li jiżguraw
il-provvista ta' biżżejjed akkomodazzjoni soċjali u/jew postijiet mikrija bi
prezz irħis bil-possibilità li jinxtraw.
Bħalissa hemm madwar 3,300 applikazzjoni għal akkomodazzjoni soċjali u
madwar 600 applikazzjoni għal tibdil fl-akkomodazzjoni soċjali minħabba
kundizzjonijiet inadegwati. Biż-żieda li qed naraw bħalissa fit-tkeċċijiet minn
postijiet mikrija, fl-akkomodazzjoni substandard u fil-persuni li jkollhom
jgħixu mal-qraba għax ma għandhomx għażla oħra, huwa essenzjali li ma jinħeliex
aktar ħin sabiex jiġu pprovduti stokkijiet ġodda ta' akkomodazzjoni soċjali u
sabiex jittieħdu inizjattivi oħrajn bħal sħubijiet bejn is-settur pubbliku u
dak privat biex tiġi pprovduta akkomodazzjoni deċenti bi prezz irħis.
Minħabba li ż-żidiet fis-salarji u l-pensjonijiet huma ferm imbiegħda
minn dak li hu meħtieġ biex in-nies ilaħħqu mal-inflazzjoni, il-gvern għandu
joħloq ukoll mekkaniżmu biex jiġi żgurat li s-sussidji għal dawk bi dħul baxx
ma jkunux magħrufa minn sidien il-kera biex jiġu evitati aktar pressjonijiet
ta' inflazzjoni fuq il-kirjiet.
B'rabta mas-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat, forsi wasal
iż-żmien li niddiskutu jekk Malta għandhiex tippermetti forom iżgħar ta'
żvilupp deċenti u sikur li jkun bi prezz li jistgħu jlaħħqu miegħu persuni bi
dħul baxx u medju. L-introduzzjoni ta' akkomodazzjoni bħal din tista' żżid
il-provvista u tgħin biex tittaffa l-inflazzjoni. Inkella, l-uniċi
proprjetajiet li jistgħu jħallsu għalihom dawn in-nies ikunu forom ta'
akkomodazzjoni substandard u sikwit mhux sanitarji.
Fl-istess waqt, u kif spjegajt fl-aħħar artiklu tiegħi, il-gvern għandu
jieħu ħsieb li ma jintroduċix riformi li b'mod mhux intenzjonat iħeġġu
lis-sidien tal-proprjetà jneħħu l-proprjetajiet tagħhom mis-suq. Dan għaliex
b'hekk titnaqqas il-provvista u tiġi inkoraġġuta aktar żieda fil-prezzijiet sakemm
ma jkunx hemm introduzzjoni korrispondenti ta' proprjetajiet ġodda fis-suq.
B'rabta ma' dan, inħeġġeġ lill-gvern jikkonsulta evidenza ekonomika,
psikoloġika u soċjoloġika biex jiżgura li l-bidliet fil-politika jkunu kemm
jista' tkun ekwi, effiċjenti u razzjonali.
Riforma oħra li l-gvern jista' jikkunsidra hi li jnaqqas ir-rati tat-taxxa
għal sidien il-kera li jintrabtu għal kirjiet itwal. Naturalment, riforma bħal
din tkun titlob ukoll inizjattivi mill-gvern kontra kiri mhux iddikjarat u
illegali ta' proprjetà.
Nixtieq infakkar lill-qarrejja li skont l-Uffiċċju Nazzjonali
tal-Istatistika, sidien il-kera f'Malta qalgħu €85 miljun mill-kiri fl-2017,
żieda ta' 132 fil-mija fuq l-2014. Din l-istatistika tkopri kirjiet iddikjarati
u tista' titqabbel ma' ċifri oħrajn, bħaż-żieda fid-dħul mix-xogħol (17
fil-mija) u ż-żieda fid-dħul mill-imgħax u d-dividendi (tlieta fil-mija).
L-istatistika turi li d-dħul mill-kiri għan-nofs tal-popolazzjoni li
jaqla' inqas irdoppja mill-2012.
L-introduzzjoni ta' mudell għall-kuntratti tal-kiri wkoll jista'
jinkoraġġixxi prattika tajba, speċjalment jekk ikun akkumpanjat minn kampanji
edukattivi għal sidien il-kera u għall-inkwilini, biex il-partijiet interessati
jkollhom għarfien aħjar tad-drittijiet u r-responsabilitajiet tagħhom.
Tabilħaqq, dan hu qasam li jeħtieġ li s-soċjeta ċivili tingħata aktar
setgħa u tieħu sehem akbar fih biex tiġġieled kontra l-fallimenti tas-suq u
tħeġġeġ kundizzjonijiet ġusti għal kulħadd.
Fost politiki oħrajn li jistgħu jiġu kkunsidrati hemm il-ħolqien ta'
indiċi nazzjonali tal-prezzijiet li juri l-prezzijiet tal-kera fis-suq u
sistemi ta' taxxa armonizzati fis-setturi differenti li jinvolvu l-proprjetà
biex jiġi evitat iċ-ċaqliq tal-proprjetà minn settur għal ieħor, għalkemm din
tal-aħħar titlob riċerka sfiqa u evidenza qabel tiġi introdotta.
Fl-aħħar nett, huwa importanti wkoll li jiġi aċċertat li l-inkwilini
jkollhom aċċess ġust u trasparenti għall-mekkaniżmi tal-kontijiet tad-dawl u
l-ilma biex jinqered kull abbuż f'dawn it-tranżazzjonijiet.
Kif għidt fl-artikli tiegħi ta' qabel, huwa pożittiv li l-gvern qiegħed
jiddiskuti r-riforma tal-liġi tal-kera, speċjalment peress li l-politika tiegħu
wasslet għal inflazzjoni rapida.
Ejjew nistinkaw biex nilħqu kunsens nazzjonali f'dan is-settur, filwaqt
li niftakru li kull riforma ta' politika għandha l-opportunitajiet u r-riskji,
iżda li ma nistgħux inħallu l-affarijiet kif inhuma għax dan qed iwassal
għall-faqar fil-qasam tad-djar.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 9 ta' Diċcembru 2018