Sunday, December 23, 2018

Is-solitudni u l-ansjetà fil-Milied - Michael Briguglio



Hu aktar diffiċli li persuna tkampa mad-dipressjoni jew l-ansjetà fi żmien il-festi. Paradossalment, fi żmien meta l-familji u l-ħbieb jiltaqgħu biex jifirħu, xi persuni ikollhom sens ikbar ta’ iżolament soċjali u jħossuhom saħansitra aktar waħedhom.



Kif spjega s-soċjologu Max Weber mitt sena ilu, hu importanti li nifhmu t-tifsiriet li l-persuni jagħtu lid-dinja soċjali tagħhom. U s-solitudni u s-saħħa mentali huma żewġ temi li jistħoqqilhom li nifhmuhom aħjar.



Pereżempju, hu importanti li nifhmu li s-soċjetà mhijiex magħmula biss mill-persuni u l-identitajiet li aħna mdorrijin naqraw dwarhom u naraw fil-mezzi tax-xandir iżda wkoll minn firxa wiesgħa ta’ oħrajn li jistgħu jkunu aktar vulnerabbli għas-solitudni u għal sfidi ta’ saħħa mentali.

Fost dawn jista’ jkun hemm pensjonanti ġodda li ma jħossuhomx lesti jħabbtu wiċċhom ma’ ħajja ġdida wara għexieren ta’ snin ta’ xogħol; persuni barranin mingħajr familja jew ħbieb; persuni ansjużi fuq il-bidliet personali, fil-familja tagħhom u soċjali li jkunu qed iseħħu madwarhom; vittmi ta’ bullying, razziżmu, tgħajjir, sessiżmu u forom oħra ta’ diskriminazzjoni; persuni li jħossuhom esklużi, u persuni li jista’ jkun li qas ikunu konxji mill-qagħda mentali tagħhom.

Il-lista tista’ tkompli.

Nuża l-kelma ‘persuni’ bi ħsieb għax inħoss id-dmir soċjoloġiku li nisħaq li kultant anke dawk assoċjati mas-saħħa u s-setgħa jistgħu jkunu dgħajfa, waħedhom u fraġli, u fost dawn jista’ jkun hemm ukoll irġiel eterosesswali li spiss jiġu deskritti bħala l-oppost ta’ dan.

It-tfassil tal-politika għall-ugwaljanza bejn is-sessi jeħtieġ li jqis dan fl-isforz għal soċjetà aktar inklużiva.

Tabilħaqq, it-tfassil ta’ politika għandu jibni fuq stejjer ta’ suċċess f’oqsma oħrajn u jipprova jintegra kwistjonijiet bħas-solitudni u s-saħħa mentali. Iż-żewġ suġġetti sikwit jiġu ttrattati bħala tabù, pereżempju meta persuna ma tfittixx għajnuna professjonali jew ma titkellimx dwar l-ansjetà u s-solitudni tagħha minħabba l-mistħija.

Iżda l-istatus ta’ tabù wkoll kien ta’ xkiel f’oqsma oħra bħad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ, u Malta tassew imxiet ‘il quddiem f’dan il-qasam.

L-edukazzjoni, il-mezzi tax-xandir, il-politiċi u s-soċjetà ċivili lkoll għandhom rwol x’jaqdu biex dawn il-kwistjonijiet isiru aktar viżibbli. Xi wħud diġà qed jagħmlu dan u jistħoqqilhom aktar appoġġ.

Il-kwistjoni tas-solitudni u s-saħħa mentali tmur lil hinn mill-firdiet ideoloġiċi u partiġġjani u tista’ tiġi indirizzata wkoll b’għamliet differenti ta’ governanza.

Dawn jistgħu jinkludu l-kontribut tas-settur pubbliku, dak privat u dak tal-volontarjat kif ukoll l-għoti ta' setgħa lill-persuni nfushom billi titrawwem l-etika tal-importanza li persuna tieħu ħsieb tagħha nnifisha. Il-mezzi soċjali, l-iskejjel, il-kunsilli lokali u opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja jistgħu jagħmlu possibbli l-bini ta’ komunitajiet aktar b’saħħithom li jkunu aktar sensittivi għal dawn l-isfidi.

Barra minn hekk, dixxiplini bħas-soċjoloġija, il-lingwistika, l-istudji tat-traduzzjoni, il-psikoloġija, il-psikjatrija, il-ħidma soċjali u l-counselling huma essenzjali biex ikun hemm professjonisti soċjali li jkunu jistgħu jaħdmu f’dawn l-oqsma.

Forsi tkun riżoluzzjoni tajba tal-Ewwel tas-Sena għall-partijiet interessati fl-isfera pubblika ta’ Malta li jibdew iħarsu lil hinn minn kwistjonijiet sensazzjonali li jaqilgħu l-iktar likes u l-akbar għadd ta’ kummenti sensazzjonalisti.



Dan l-artiklu deher fil-Mument, 23 ta' Diċembru 2018