Probabbli taf li l-prodott gross domestiku ta' Malta żdied b'7.5 fil-mija f'termini reali tul it-tielet kwart tal-2018. Jista' jkun li qrajt din l-aħbar fil-gazzetti jew smajtha fuq il-mezzi tax-xandir. Jekk int parti mill-grupp dejjem jikber ta' nies li jisimgħu l-aħbarijiet mill-mezzi soċjali, jista' jkun li ltqajt ma' propaganda mill-gvern li fakkritek li dan huwa l-aqwa żmien.
L-istatistika hi korretta. Tirrappreżenta t-tkabbir tal-prodott gross domestiku f'termini reali skont iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Din hi ċifra aġġustata għall-inflazzjoni li tikkwantifika l-valur tal-oġġetti u s-servizzi kollha prodotti fl-ekonomija matul is-sena.
Din iċ-ċifra kienet primarjament
ir-riżultat ta' żieda fid-domanda kemm domestika kif ukoll esterna permezz
tan-nefqa fuq il-konsum, in-nefqa tad-djar, in-nefqa tal-gvern,
l-esportazzjonijiet u għamliet oħrajn ta' nfiq.
Tabilħaqq, il-prodott gross domestiku
bil-prezzijiet attwali żdied b'€281 miljun, li jitqassmu hekk: żieda ta' €64.5
miljun fil-ħlas lill-ħaddiema, żieda ta' €162.9 miljun fil-bilanċ pożittiv
gross tal-operat tal-intrapriżi u żieda ta' €53.5 miljun fit-tassazzjoni netta
fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet.
Matul l-istess żmien, il-valur miżjud
gross ta' Malta żdied b'€218.4 miljun meta mqabbel mal-istess tliet xhur
is-sena li għaddiet. Dan jirrappreżenta d-differenza bejn il-produzzjoni bi
prezzijiet bażiċi u l-konsum intermedju bil-valur tal-prezzijiet tax-xerrejja.
Jekk inħarsu lejn dawn
iċ-ċifri u l-pożizzjoni rispettiva ta' Malta fil-quċċata tal-klassifika tal-UE,
jidher li l-ekonomija ta' Malta qed tmur dejjem għall-aħjar. Imma dawn iċ-ċifri
waħedhom ma jistgħux jispjegaw il-qagħda soċjoekonomika ta' Malta.
Hawn taħt nagħti eżempju li jista'
jgħin fl-ispjegazzjoni ta' dan.
Ħarsa ta' malajr lejn il-pajjiżi
madwar id-dinja li bħalissa qiegħdin jesperjenzaw rati għoljin ta' tkabbir
fil-prodott gross domestiku tagħhom turina li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, dawn
huma pajjiżi li qed jiżviluppaw u mhux dawk l-aktar żviluppati. It-tkabbir
ekonomiku tagħhom irid jitqies flimkien ma' indikaturi oħrajn biex ikollna
stampa valida tal-kwalità tal-ħajja tan-nies.
B'rabta ma' Malta, naħseb li wasal
iż-żmien li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jintroduċi indikaturi
addizzjonali li jkejlu l-kwalità ta' ħajja u l-livell ta' għajxien ta' gruppi
soċjali differenti.
Għandu jkun f'pożizzjoni li jgħarraf
lill-pubbliku kif il-prezzijiet jolqtu gruppi soċjali differenti. Il-prezzijiet
tal-ikel ġeneralment ikollhom effett ikbar fuq dawk bi dħul baxx, għax dawn
jonfqu parti akbar mid-dħul tagħhom biex jixtru prodotti bażiċi, meta mqabbla
ma' dawk bi dħul ogħla. L-istess jista' jingħad għal prodotti u servizzi bażiċi
oħrajn bħall-kera, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-prodotti mediċinali.
Meta jiġu ppubblikati ċ-ċifri
uffiċjali dwar l-għoli tal-ħajja, ma ssirx distinzjoni bejn livelli differenti
ta' dħul, iżda fid-dinja reali hu ċar li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja li
ngħata lill-ħaddiema u lill-pensjonanti mhuwiex realistiku.
Biex nagħti eżempju sempliċi ta’ dan: prodott
bażiku tal-ikel li jiswa €1 jieħu wieħed fil-mija tad-dħul ta' xi ħadd li
jaqla' €100. Iżda jieħu biss 0.1 fil-mija tad-dħul ta' xi ħadd li jaqla'
€1,000. Il-prodott tal-ikel hu essenzjali għaż-żewġ persuni, iżda l-persuna li
taqla' aktar qed tħallas proporzjonalment ħafna inqas mid-dħul tagħha biex
tixtrih.
F'Lulju li għadda, il-President Marie
Louise Coleiro Preca, b'rabta ma' studju mill-Osservatorju Nazzjonali għal
Għajxien b'Dinjità u ċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka dwar il-Familji, li
t-tnejn huma entitajiet ta' riċerka fi ħdan il-Fondazzjoni tagħha għall-Ġid tas-Soċjetà,
qalet li l-ikel jikkostitwixxi l-akbar nefqa ta' familji b'erba' persuni
f'Malta u Għawdex. Żiedet li madankollu, hu allarmanti li nagħrfu li, sabiex
l-ikel li jikkunsmaw ikun meqjus tajjeb għas-saħħa u nadif, familji bħal dawn
ikollhom jonfqu aktar minn €500 fix-xahar. Saħqet li dan hu ammont għoli
żżejjed għal bosta familji, li jfisser li individwi li jbatu minn vulnerabbiltà
jew prekarjat ta' kull xorta qed isibuha kważi impossibbli li jaċċessaw ikel
adegwat.
Minbarra dan, għandna nqisu wkoll l-għadd dejjem jiżdied ta' persuni li qegħdin jiġu żgumbrati mill-postijiet li jkunu qed jikru u/jew li ma jkunux jistgħu jingħataw self mill-bank jew ilaħħqu mal-kera ta' proprjetà. Dan jinkludi wkoll persuni bi dħul medju ta' etajiet differenti.
Jekk mal-ispiża ta' €500 msemmija
mill-President inżidu spejjeż oħra, fosthom il-kera, il-kontijiet tad-dawl u
l-ilma u l-prodotti mediċinali, u nqabbluhom mal-pagi f'Malta, il-matematika hija
ċara daqs il-kristall.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 16 ta' Diċembru 2018