Il-ġimgħa li
għaddiet ippreżentajt għadd ta' proposti għall-Baġit li jmiss. Fil-biċċa
l-kbira tagħhom dawn kienu marbutin mal-isfidi relatati mal-inflazzjoni li qed
iħabbtu wiċċhom magħhom persuni li qegħdin f'riskju ta' faqar kif ukoll
relatati mal-pensjonijiet u l-proprjetà mikrija rispettivament.
Għaldaqstant,
semmejt it-talba tal-għaqdiet tal-ħaddiema għal mekkaniżmu tal-COLA
(aġġustament għall-għoli tal-ħajja) rivedut u realistiku. L-argument tiegħi
kien li ħwejjeġ bażiċi bħall-ikel għandhom jingħataw aktar importanza fil-ġabra
ta' prodotti għax jammontaw għal perċentwal akbar min-nefqa ta' persuni bi dħul
baxx. Enfasizzajt ukoll il-bżonn li jitħallsu lura l-eluf ta' persuni li qed
jaslulhom kontijiet tad-dawl u l-ilma ogħla minħabba mekkaniżmu illegali.
Fl-artiklu tiegħi
semmejt ukoll il-ħtieġa għal żidiet deċenti fil-pensjonijiet u l-bżonn ta'
dibattitu nazzjonali xieraq dwar pensjonijiet sostenibbli.
Fl-aħħar nett,
sħaqt dwar il-ħtieġa li tiġi inkluża assistenza xierqa għal persuni li bħalissa
jikru proprjetà jew li biħsiebhom jikru u li ma jistgħux ilaħħqu mal-prezzijiet
tal-kera, mingħajr ma ssir distorsjoni tas-suq. Din il-proposta hi saħansitra
aktar urġenti milli kienet is-sena l-oħra.
Tabilħaqq,
fl-analiżi tiegħi tal-Baġit tas-sena l-oħra fit-Times of Malta (16 ta'
Ottubru 2017), kont osservajt li ż-żieda fil-ħaddiema barranin kienet qed
twassal għal domanda akbar għal proprjetà mikrija u b'hekk kienet qed tgħolli
l-prezzijiet tal-kiri, u bħal ħafna oħrajn kont ħerqan għall-pubblikazzjoni ta'
white paper dwar il-kera. Sena wara, dan il-white paper għadha ma dehritx.
Illum huwa ċar daqs
il-kristall li persuni li qed jgħixu fil-faqar, kif ukoll pensjonanti li
mhumiex sidien ta' proprjetà u ħaddiema żgħażagħ għaddejjin minn diffikultajiet
kbar biex jixtru jew jikru proprjetà.
Fil-fehma tiegħi,
il-gvern għandu jipprova jfassal assistenza lil persuni bħal dawn b'modi li ma
jinkoraġġixxux inflazzjoni fil-prezzijiet tal-proprjetà. Għandu jibda jsir tfassil
ta' politika msejjes fuq l-evidenza, u nistenna li l-gvern jikkonsulta
partijiet ikkonċernati esperti dwar dan. Il-gvern għandu wkoll jgħin
indirettament lil persuni li jikru li għandhom dħul baxx billi jappoġġa żidiet
fil-pagi u billi jippermetti għamliet iżgħar ta' żvilupp li jħarsu r-regoli u
l-istandards tal-ippjanar. Għandhom jiġu infurzati regolamenti sabiex jiġu
ddikjarati kirjiet fuq perjodi qosra lil turisti, biex b'hekk, minflok, jiġu
inkoraġġiti indirettament kirjiet fit-tul lil residenti regolari.
Barra minn hekk,
il-gvern jista' jintroduċi mudelli ta' ftehimiet tal-kiri biex iħeġġeġ prattika
tajba, indiċi tal-prezzjiet tal-NSO li juri l-prezzijiet tal-kiri, u mekkaniżmi
oħrajn proposti minn esperti tal-politika sabiex għajnuniet lill-inkwilini ma
jwasslux għal kirjiet iktar għoljin. Għandhom jiġu introdotti ukoll faċilitajiet
sempliċi biex persuni li jikru jkunu jistgħu jikkalkulaw il-kontijiet tad-dawl
u l-ilma tagħhom biex jiġi evitat li jkollhom iħallsu żżejjed, u d-djar soċjali
għandhom finalment isiru prijorità nazzjonali.
Il-Baġit għandu
wkoll jindirizza tassew il-problemi ambjentali kbar ta' Malta: l-istħarriġ juri
li n-nies jaqblu ma' multi ogħla għall-abbużi, u l-gvern għandu d-dmir morali
li jiżgura li titħares il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
B'rabta ma' dan,
huwa importanti li niftakru li filwaqt li jeżistu xi regolamenti ta' infurzar
ambjentali f'Malta, dawn jew qatt ma jiġu infurzati jew inkella jistipulaw
multi ridikoli, b'tali mod li xi drabi jkun jaqbel lil min iwettaq abbuż li
jħallas il-multa u jibqa' jagħmel l-abbuż, bi ħsara għall-ambjent u
għall-kwalità tal-ħajja ta' persuni oħra.
Għalhekk, wasal
iż-żmien li naraw li Malta jkollha multi xierqa u effettivi li jiġu infurzati
għal abbużi ambjentali f'oqsma bħall-kostruzzjoni, l-istorbju, it-tniġġis
tal-baħar u s-serq tal-ilma. Il-gvern għandu wkoll jippremja prattika
ambjentali tajba bħat-tisbiħ u t-tħawwil ta' siġar u għandu jagħti aktar setgħa
lill-kunsilli lokali biex jieħdu ħsieb l-art pubblika.
Il-kwalità
tal-ħajja tan-nies tista' titjieb ukoll jekk il-gvern jiddikjara strateġija
nazzjonali ta' investiment f'bankini aċċessibbli fi sħubija mal-kunsilli
lokali, kif ukoll jekk jiżgura li l-investiment relattivament għoli
fit-trasport pubbliku (madwar €30 miljun kull sena, tliet darbiet daqs l-ammont
li kien jitħallas lill-Arriva) jiġi rifless f'servizz aħjar, u mhux f'karozzi
tal-linja ffullati u vjaġġi li ma tistax toqgħod fuqhom.
Persuni bi dħul
baxx jistgħu jiġu megħjuna wkoll billi titneħħa t-taxxa fuq l-overtime, u
negozji ta' persuni li jaħdmu għal rashom għandhom igawdu minn rati ta' taxxa
aktar baxxi fid-dawl tal-kompetizzjoni sikwit impossibbli ma' kumpaniji akbar
li spiss joqogħdu fuq pagi baxxi għall-ħaddiema tagħhom.
Fl-aħħar nett, il-baġit
għandu joffri viżjoni ekonomika lil hinn mid-dipendenza dejjem tiżdied ta'
Malta fuq il-bejgħ tal-passaporti, fuq kostruzzjoni bla waqfien u fuq
strateġiji oħrajn li jistgħu jaħdmu biss għal żmien qasir.
Huma ferm meħtieġa,
u mixtieqa, id-diversifikazzjoni, swieq niċċa u investiment akbar fir-riċerka,
l-edukazzjoni, it-taħriġ, u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 14 ta' Ottubru 2018