Sunday, October 28, 2018

Ftit ħsibijiet dwar il-Baġit – Michael Briguglio



Il-Baġit għall-2019 għandu għadd ta' inizjattivi pożittivi. Il-Gvern ma għandux bżonni biex jippromovihom.



Bħala membru tal-oppożizzjoni r-rwol tiegħi hu li nenfasizza n-nuqqasijiet tal-baġit li huma importanti wisq biex jiġu injorati.



L-ewwel nett: l-inizjattivi soċjali pożittivi li semmejt hawn fuq jikkumpensaw għaż-żidiet rapidi fl-għoli tal-ħajja? Ma naħsibx li jagħmlu dan, meta wieħed iqis iż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel, il-fjuwil, il-kera, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u bosta prodotti u servizzi oħrajn.



Tabilħaqq, Malta bħalissa għaddejja minn sitwazzjoni fejn l-anzjani qed ikollhom jagħmlu sagrifiċċji żejda biex ilaħħqu maż-żidiet fl-għoli tal-ħajja u fejn għadd dejjem jiżdied ta' żgħażagħ ma jistgħux isibu l-mezzi meħtieġa biex jissellfu mingħand bank għax-xiri ta' dar jew biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-kera.



Tassew li l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja (COLA) hu msejjes fuq mekkaniżmu li l-gvern jimxi miegħu kif xieraq u li l-gvern iddeċieda li jżid euro ieħor miegħu kull xahar. Jekk xejn, biż-żieda mal-COLA l-gvern qed jammetti li l-mekkaniżmu mhuwiex realistiku. Allura ma wasalx iż-żmien li l-gvern u l-imsieħba soċjali jirrevedu l-kejl tal-COLA permezz ta' metodu miftiehem b'mod reċiproku?



It-tieni nett: il-baġit iserraħ moħħ in-nies dwar il-kwalità tal-ħajja tagħhom? Għal darb'oħra, għandi dubji dwar dan. Jidher li l-isfidi ambjentali tal-pajjiż mhumiex prijorità għal dan il-gvern, li bilkemm semma dan il-qasam kruċjali fil-baġit u li qal lil gwardjani tal-ambjent bħall-bdiewa li l-kontribut tagħhom għall-ekonomija huwa minimu.



It-tielet nett: iċ-ċifri tan-nefqa u d-dħul pubbliċi ma għandux isir skrutinju tagħhom? Ma naqbilx. Huwa tajjeb li Malta għandha surplus baġitarju iżda ejjew niftakru li l-investiment kapitali tnaqqas minn 12.1 fil-mija għal 8.5 fil-mija tan-nefqa bejn l-2013 u l-2017. Barra minn hekk, iċ-ċifri uffiċjali tal-Eurostat juru li n-nefqa f'oqsma bħall-ħarsien ambjentali, il-ħarsien soċjali, l-ordni pubbliku u d-djar naqset bejn l-2012 u l-2016.



Dan ifisser li l-gvern qed jinvesti inqas fil-ħtiġijiet li jmorru lil hinn mill-preżent immedjat, u li jista' jkun li jkollna nħallsu prezz ogħla għalihom fil-ġejjieni. U anke fejn in-nefqa kapitali hija kbira, pereżempju l-użu tal-fondi tal-UE għal proġetti ta' toroq, ta' min nistaqsu jekk humiex qed jintużaw kif suppost f'termini ta' kwalità, aċċess, sikurezza u inkoraġġiment ta' mezzi alternattivi ta' trasport.



Il-mistoqsija li kulħadd qed jistaqsi hija: dan l-investiment ser inaqqas sitwazzjonijiet ta' paraliżi tat-traffiku, jew qiegħdin inwessgħu t-toroq għas-sodisfazzjon immedjata tagħna mingħajr ma nindirizzaw l-għeruq taż-żidiet fit-traffiku? X'ser jiġri ladarba nintebħu li l-proġetti ta' twessigħ ta' toroq ma solvewx il-problemi ta' traffiku tagħna? Ejjew inżommu f'moħħna wkoll li bankini aċċessibbli huma bżonn bażiku tal-persuni li jkunu mexjin fit-toroq, speċjalment persuni anzjani, persuni b'diżabilità, tfal, u ġenituri b'pushchairs.



Id-dħul pubbliku wkoll ħaqqu skrutinju. Biċċa kbira minnu jiġi mill-bejgħ tal-passaporti. Huwa ferm dubjuż jekk dan huwiex sostenibbli u jekk għandux sens għall-ġejjieni, speċjalment meta nqisu li Malta qed issir dipendenti ħafna minn din il-prattika bi ħsara għad-diversifikazzjoni ekonomika sostenibbli. Barra minn hekk, hemm nuqqas ta' trasparenza dwar kif qed jintużaw il-fondi li ġejjin minn dan il-bejgħ.



Tabilħaqq, jidher li l-muturi ekonomiċi ewlenin tal-gvern huma l-bejgħ tal-passaporti u l-importazzjoni ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi biex iżidu t-tkabbir ekonomiku. Il-mistoqsija li kulħadd qed jaħseb dwarha hi jekk dan it-tip ta' tkabbir huwiex sostenibbli. Dawn iż-żidiet fin-numri qed iwasslu għaż-żidiet kbar fil-prezzijiet li semmejt qabel, għal nuqqas ta' ugwaljanza soċjali u għal pressjoni kbira fuq l-infrastruttura ta' Malta. Sadanittant il-Baġit għall-2019 ma jgħid kważi xejn dwar il-ħtiġijiet soċjali ta' għada bħall-pensjonijiet sostenibbli.  



Dawn huma kummenti li tajt lill-gazzetta It-Torċa