Sunday, October 21, 2018

Baġit: Nagħtu aktar setgħa lin-nies - Michael Briguglio




F’artikli preċedenti enfasizzajt firxa ta' miżuri li jistgħu jiġu implimentati fil-Baġit li jmiss għall-2019 f'kuntest ta' ekonomija li qed tikber li qiegħda tħabbat wiċċha ma' sfidi marbutin mal-esklużjoni soċjali, is-sostenibbiltà u n-nuqqas ta' ugwaljanza. F’dan ir-rigward, il-Partit Nazzjonalista ippreżenta ukoll numru ta’ proposti, u jien kont wieħed mill-awturi tad-dokument.



Semmejt il-ħtieġa ta' mekkaniżmu rivedut u realistiku għall-aġġustament għall-għoli tal-ħajja ta' Malta mogħti lill-ħaddiema u għajnuna għal dawk bi dħul baxx u negozji ta' persuni li jaħdmu għal rashom, pereżempju bit-tneħħija tat-taxxa fuq l-overtime u b'taxxi aktar baxxi rispettivament.



Irreferejt għall-bżonn ta' żidiet deċenti fil-pensjonijiet u ta' kunsens nazzjonali dwar is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet. Sħaqt ukoll dwar l-importanza ta' assistenza xierqa għall-persuni li jikru, fid-dawl ta' prezzijiet li qed jiżdiedu b'mod inkontrollabbli. Politika msejsa fuq l-evidenza u konsultazzjoni olistika ma' esperti u ma' dawk ikkonċernati huma fatturi ewlenin meħtieġa għal dawn ir-riformi.



Semmejt ukoll il-ħtieġa għal investiment f'oqsma li jistgħu jgħinu fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies. B'rabta ma' dan irreferejt għall-bżonn ta' multi infurzabbli għall-abbużi ambjentali u l-bżonn li prattika ambjentali tajba tiġi ppremjata. Enfasizzajt il-ħtieġa għal strateġija nazzjonali ta' investiment għal bankini aċċessibbli u l-bżonn li niżguraw li t-trasport pubbliku jagħti servizz deċenti lill-klijenti. L-involviment tal-kunsilli lokali f'din il-politika huwa essenzjali.



Fl-artikli preċedenti tiegħi enfasizzajt ukoll il-ħtieġa li jitħallsu lura l-ħlasijiet żejda li qed jirriżultaw mill-mekkaniżmu illegali għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-bżonn ta' aktar investiment fir-riċerka, l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema. F'dan l-artiklu nixtieq nidħol aktar fil-fond dwar dawn il-proposti.



B'rabta max-xogħol, b'xorti ħażina jeżistu kundizzjonijiet ħżiena ta' xogħol f'għadd ta' setturi f'Malta, fosthom l-ekonomija illegali. Il-prekarjat jidher li hu l-aktar komuni f'setturi li jvarjaw mill-kostruzzjoni sal-ġbir tal-iskart u minn xi 'ħwienet tal-massaġġi'  sa ċerti xogħlijiet fis-settur tad-divertiment. Huwa wkoll pjuttost ċar li għadd ta' xogħlijiet marbutin mal-kura huma kkaratterizzati minn pagi baxxi, li ma jirriflettux ir-responsabbiltà involuta.



Barra minn hekk, minkejja titjib tal-politika soċjali f'oqsma bħal ċentri fejn jittieħed ħsieb it-tfal, Malta għadha lura f'termini tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-edukazzjoni meta mqabbla mal-bqija tal-Ewropa, u għaldaqstant dan jindika li hemm bżonn ta' aċċess mingħajr ħlas għal ċentri fejn jittieħed ħsieb it-tfal anke għal tfal li l-ġenituri tagħhom la jaħdmu u lanqas jistudjaw.



Fil-qasam tal-ambjent, il-gvern għandu jikkonċentra fuq l-għoti ta' inċentivi għall-ekonomija ċirkolari li tqis l-immaniġġar tal-iskart bħala opportunità. Għandu jagħti inċentivi wkoll għal teknoloġiji ekoloġiċi u jintroduċi inċentivi differenti li jgħinu biex jissebbħu l-lokalitajiet tagħna. Dawn tal-aħħar għandhom ikunu aċċessibbli għal individwi, is-soċjetà ċivili, is-settur privat u l-kunsilli lokali.



L-investiment tal-gvern fit-toroq għandu jiġi rifless f'infrastuttura, passaġġi u spazji li tassew jiffavorixxu dawk li jużaw ir-roti u dawk li jimxu. Dan ma jidhirx li hu l-każ fil-proġetti tat-toroq li qed iwettaq il-gvern bħalissa.



Nistenna wkoll li l-gvern iżid il-firxa ta' għajnuna mogħtija lil individwi li għandhom ħtiġijiet speċifiċi marbutin ma' kundizzjonijiet bħal, pereżempju, il-fibromijalġija u l-ME.



Ikun inkoraġġanti wkoll jekk il-gvern iwaqqaf ix-xejra ta' ċentralizzazzjoni tas-setgħa f'idejn il-ministri u minflok juri fiduċja u rieda tajba lill-kunsilli lokali u lis-soċjetà ċivili permezz tad-deċentralizzazzjoni, is-sussidjarjetà u d-devoluzzjoni tal-art pubblika.



Biex insemmi eżempju wieħed, għadd ta' artijiet li bħalissa huma proprjetà tal-gvern jista' jsir użu aħjar tagħhom għaċ-ċittadini jekk l-amministrazzjoni u s-sjieda tagħhom tiġi fdata lill-kunsilli lokali. Punt baġitarju li jikkunsidra dan il-proċess ikun ferm ta' ġid.



Fl-aħħar nett, naħseb li wasal iż-żmien li l-Ministru tal-Finanzi ta' Malta jagħti informazzjoni komprensiva dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza, li jien kontrih kemm fil-prinċipju kif ukoll minħabba li nqis li mhuwiex sostenibbli fit-tul.



B'rabta ma' dan, il-pubbliku għandu jingħata tagħrif dwar il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet marbut mal-allokazzjoni u l-użu tal-fondi mill-IIP, jekk jeżistix pjan, jekk hemmx kalendarju u affarijiet oħra relatati. Jekk dan ma jsirx, bilfors nissuspettaw li l-finanzi pubbliċi ta' Malta qegħdin jiddependu dejjem aktar minn fond li għandu nuqqas ta' sostenibbiltà, u li ċ-ċiklu elettorali qed jingħata aktar importanza mill-ippjanar ekonomiku fit-tul.



Dwar dan is-suġġett, importanti li niftakru li l-Fond Nazzjonali Soċjali u għall-Iżvilupp li fih imur 70 fil-mija tad-dħul mill-bejgħ taċ-ċittadinanza mhuwiex parti mill-qafas ta' finanzjament ferm regolat tal-UE u għalhekk jista' jkun aktar vulnerabbli għal interventi partiġġjani. Ma jkunx aħjar kieku jkollna gvern iżgħar u soċjetà akbar u b'aktar setgħa?



 Dan l-artiklu deher fil-Mument, 21 ta' Ottubru 2018