Sunday, October 28, 2018

Ejjew inkunu ġusti - Michael Briguglio


Sa issa f'Malta hemm ħafna kandidati approvati u prospettivi validi għall-elezzjonijiet li ġejjin għall-Parlament Ewropew. Ilkoll għandhom affiljazzjonijiet politiċi, stili personali u prijoritajiet differenti, u dan jgħin biex il-votant għaqli u riflessiv ikollu aktar għażla.



Dan il-pluraliżmu huwa karatteristika bażika tad-demokrazija liberali tal-Punent. Id-djalogu u d-diversità qalb il-kandidati jistgħu jgħinu biex l-immaġinarju politiku jkun aktar varjat u huma alternattiva aħjar minn politika awtoritarja li għandha dimensjoni waħda biss.



Madankollu, naħseb li huwa importanti ħafna li l-parteċipanti elettorali jħarsu parametri ċari msejsin fuq id-deċenza u r-rispett fi ħdan qafas pluralistiku. M'iniex qed nirreferi biss għal regoli dwar ir-riżorsi finanzjarji u l-aċċess għall-mezzi tax-xandir, iżda wkoll għall-komunikazzjoni ta' kuljum qabel l-elezzjonijiet.



B'rabta ma' din, nappella lill-kandidati sħabi, il-partiti, il-ġurnalisti u l-attivisti kollha biex jimpenjaw rwieħhom għal kampanja deċenti. L-aħħar elezzjoni ġenerali ta' Malta kienet ikkaratterizzata minn sħaba sewda ta' antagoniżmu li konna ilna ma naraw bħalha għal xi żmien, u forsi jeħtieġ li nikkalmaw u nersqu lejn qafas ta' agoniżmu: fejn naraw 'il xulxin bħala avversarji, mhux għedewwa, u fejn nirrispettaw ir-regoli bażiċi tad-dibattitu demokratiku.



Tabilħaqq, li naqsmu u niddiskutu opinjonijiet differenti hija xi ħaġa tajba, u jien nippreferi din id-diskussjoni minn komunikazzjoni ta' tgħawwiġ li tikkonċentra aktar fuq li tkisser lill-messaġġier milli l-messaġġ.



B'xorti ħażina, il-mezzi soċjali huma mimlijin eżempji ta' attakki fuq persuni u mhux fuq dak li jgħidu, u hawnhekk insibu għadd imdaqqas ta' trolls anonimi. Xi wħud jeċċellaw f'lingwaġġ ta' tkasbir fit-taqsimiet tal-kummenti u oħrajn joħolqu paġni anonimi fuq Facebook imsejsa fuq l-assassinju tal-karattru jew it-tixrid ta' diskors ta' mibegħda - għalkemm sikwit ikun faċli li wieħed jintebaħ min ikunu n-nies wara dawn il-paġni.



Xi ġellieda fuq l-internet anqas biss jagħmlu sforz biex jinħbew wara l-anonimità jew profili foloz. Dan kollu jwaqqa' l-libertà tal-kelma tant għażiża għalina u juri n-nuqqas ta' responsabbiltà f'kuntest fejn ma hemmx limiti.



Nemmen li l-libertà tal-kelma tbati jekk ma tintużax b'responsabbiltà: dan ma jfissirx biss li noqogħdu attenti għal-lingwaġġ li nużaw, iżda wkoll li jkollna sens ta' proporzjon. Ilkoll għandna kwalitajiet differenti, iżda għandu jkun ovvju li mhux kulħadd espert f'kollox. Għandna nagħrfu wkoll id-differenza bejn politika msejsa fuq l-evidenza u żvogi fuq il-mezzi soċjali wara jum iebes.



Djalogu b'saħħtu fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin għandu jfisser ukoll li nisimgħu l-fehma ta' xulxin. Din mhux biss referenza għall-importanza li aħna l-kandidati nisimgħu lill-avversarji tagħna, iżda wkoll li nisimgħu t-tħassib tal-elettorat, li nkunu saqajna mal-art u nevitaw kemm jista' jkun li ningħalqu f'torrijiet tal-avorju.



Nemmen ukoll li jekk infittxu dak li naqblu dwaru u nippruvaw nilħqu kompromessi, inkunu qed nuru saħħa u mhux dgħufija, speċjalment minħabba l-isfidi kumplessi b'tant aspetti li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum il-ġurnata. Xi kultant ikollna aktar mistoqsijiet milli tweġibiet, kultant jista' jkun li ma nkunux qed insaqsu l-mistoqsijiet it-tajbin, u xi drabi jkollna t-tentazzjoni li ma naqblux bejnietna minħabba l-konvenjenza politika, u mhux għax nemmnu li dan ikun is-sewwa.



Bħala kandidat għall-elezzjonijiet Ewropej inwiegħed li l-kampanja tiegħi tkun mibnija fuq djalogu b'rispett, politika msejsa fuq l-evidenza u l-politika tan-nies. Inwiegħed li niġġieled id-diskors ta' mibegħda, il-lingwaġġ patronizzanti u s-sensazzjonaliżmu vulgari billi nistinka biex inkun aħjar minn hekk. Ejjew nirrispettaw l-intelliġenza tan-nies permezz ta' politika deċenti.



Dan l-artiklu deher fil-Mument, 28 ta' Ottubru 2018.