Sunday, June 17, 2018

Kont tad-dawl li jisraq lill-poplu – Michael Briguglio


Huwa ċar daqs il-kristall li l-ARMS qed tuża metodu illegali fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u li għandha trodd flus lura lill-eluf ta’ konsumaturi. Il-kontijiet mhux qed jiġu kkalkulati skond il-liġi, għax din tgħid li t-tariffa tal-konsum għandha tiġi ibbażata fuq konsum kumulattiv kull sena.



Kull xaharejn, l-ARMS qed tisraq lill-konsumaturi b’dan il-mod:



Il-kont qed jiġi maqsum f’perjodi iqsar, u l-konsumatur malajr jibda jkollu jħallas b’rata iktar għolja minn dik imwiegħda ta’ 10ċ5. Permezz ta’ kontijiet attwali ta’ kull xaharejn, il-kwota annwali ta’ 2,000 unit b’10ċ5 u  4,000 unit b’12ċ9 qed jiġu maqsuma f’kwoti iżgħar.



Anke jekk il-konsumatur jibqa’ fil-kwota annwali, xorta hemm ċans tajjeb li jkollu jħallas iktar: Hemm konsumaturi li qed iħallsu rati sitt darbiet għola – ta’ iktar minn 60ċ għal kull kwh.



Ħafna familji qed jitilfu ukoll l-eko-riduzzjoni. Familja ta’ hamsa u resident waħdu it-tnejn għandhom l-istess 2,000 unit b’10ċ5.



Iżda familija ta’ ħamsa kienu jibbenefikaw minn skont jekk jibqgħu taħt il-kwota annwali. Bis-sistema ta’ kont attwali kull xaharejn, din ukoll qed tintilef f’ċertu każijiet. Permezz ta’ dawn il-kontijiet l-ARMS qed tibbenefika minn cash flow kull xaharejn minn fuq dahar il-konsumatur.



L-ARMS qed takkumula ukoll rati ta’ interessi għal min ma jistax iħallas u l-istess nies qed jiġu mhedda li jitneħħielhom is-servizz jekk ma jħallsux. Barra min hekk iridu jħallsu biex jerġa jinghatalhom is-servizz. Dan żgur mhux l-aqwa żmien għal konsumaturi li għandhom dħul baxx.



Problema oħra hi li bosta persuni li jgħixu f’propjeta’ mikrija qed iħallsu rati domestiċi u mhux residenzjali, u għalhekk ma jibbenefikawx mill-eko riduzzjoni u jħallsu rati għola.



L-iktar gruppi li qed jintlaqtu hażin mill-metodu ta’ l-ARMS huma familji kbar, pensjonanti u residenti barranin: imbasta l-gvern jgħid li hu favur il-familja u li jrid jattira barranin biex jgħixu f’Malta.



Hemm ukoll taħwid kbir fis-sistema ta’ l-enerġija mill-pannelli foto-voltajiċi. Imbasta l-gvern jitkellem favur enerġija nadifa.



Il-Partit Nazzjonalista jistenna li r-Regulatur tas-Servizzi l-Enerġija u l-Ilma u l-Awtorita’ tal-Kompetizzjoni u l-Konsumatur jieħdu azzjoni kontra dan l-abbuż minn monopolju. Jekk dan ma jseħħx, il-Partit ser jieħu azzjoni legali sabiex issir ġustizzja. Barra min hekk, meta jkun fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista ser jagħti refużjoni lil min ġie misruq.



Ta’ min ifakkar li l-Eurostat dan l-aħħar ikkonfermat li Malta kellha t-tielet l-għola żieda fil-prezz ta’ l-elettriku fl-Unjoni Ewropea fis-snin 2016 u 2017, meta l-prezz ta’ enerġija kien stabbli.



Ta’ min ifakkar ukoll li minflok kontijiet irħas b’25 fil-mija, bħal ma wiegħed Konrad Mizzi, pajjiżna qed jissusidja b’40 miljun dollaru fis-sena lill-kumpanija statali ta’ l-enerġija ta’ l-Ażerbajġan.



Il-kwistjoni tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma turi li permezz ta rieda tajba u determinazzjoni, l-oppożizzjoni Nazzjonalista hija vuċi pożittiva u b’saħħitha.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 17 ta' Ġunju 2018