Illum saret xi
haġa komuni li f’dibattiti politiċi fl-isfera pubblika jintuża kliem aggressiv
kontra l-avversarju politiku mingħajr ma wieħed jagħti wisq importanza għall-kwalita’
tad-diskors li jkun qed juża.
Per eżempju, hemm numru ta’ trolls fuq il-meżżi tal-media soċjali li qed jiġu mmobiliżżati
kontra kritiċi tal-gvern. Kemm il-darba jużaw lingwa li toffendi biex
jivvilifikaw lill-messaġġier minflok il-messaġġ. Filwaqt li dan jista’ jwassal
biex uħud jahsbuha darbtejn qabel ma jikkritikaw lill-gvern, ma nahsibx li it-trolling qed jagħmel wisq ġid lill-Partit
Laburista.
Fl-istess ħin,
nemmen li attivisti politiċi u tas-soċjeta’ ċivili li ma jużawx dawn il-metodi
offensivi għandhom jivverifikaw jekk u kif il-messaġġ tagħhom stess għandux
effett sinjifikanti.
Kultant naħseb
li hemm min hu wisq impenjat li jiġġustifika il-kawża tiegħu biex ikollu ħin għall-awto
riflessjoni. L-effett limitat tal-kawża ġusta kontra l-korruzzjoni jistgħu ikunu
xiehda ta’ dan.
Li jkollok rappurtaġġ
fuq il-media huwa tajjeb, iżda dan mhux neċċessarjament jinfluenza il-bidla
soċjali. L-istess jingħad għall-preżenza fuq il-media soċjali. Is-shares, retweets, likes u għodda simili
jistgħu jagħtu sodisfazzjoni, iżda ta’ min inżommu f’moħħna li l-media soċjali
tuża algoritmi li jiffukaw dak li jinkiteb lejn qarrejja li jkollhom fehmiet
simili. Jista’ jkun li l-udjenzi tagħna fuq il-facebook huma iktar ristretti milli naħsbu.
L-istess jgħodd
ghall-karatteristiċi demografiċi ta’ min (bħali) jattendi protesti kontra
l-korruzzjoni. Din il-kostitwenza hija sinjifikanti, iżda m’hijiex rapprezentattiva
tas-soċjeta’ Maltija kollha kemm hi. Barra minn hekk, il-fatt li ċerti protagonisti
qatt ma jikkomunikaw bil-Malti tiżolohom minn ċerti udjenzi.
Nemmen ukoll li
profeziji katastrofiċi li jassumu li Malta ser tikkollassa fil-futur qrib ma
tantx qed jgħinu fil-kawża kontra l-korruzzjoni. Tajjeb li nagħmlu mistoqsijiet
iebsa, analitiċi u fattwali dwar il-mudell ekonomiku tal-gvern, iżda kummenti
eżaġerati li ma jirrelatawx mal-ħajja tan-nies jistgħu jagħmlu pjaċir
lill-gvern anke jekk l-intenzjoni tkun waħda opposta.
Lanqas ma naqbel
ma’ min jgħajjar lil kull minn ivvota lill-Partit Laburista jew lil min ma jattendix
għall-protesti kontra l-korruzjoni bħala stupidu, egoist jew partiġġjan. Ibda
biex, numru mdaqqas minn dawn il-persuni ivvutaw ghall-PN f’elezzjonijiet preċedenti
u ma kienux ikkunsidrati bħala defiċjenti dak iż-żmien.
Barra minn hekk,
votanti differenti jista’ jkollhom motivazzjonijiet differenti, u mhux bilfors
ikollhom x’jaqsmu mal-korruzzjoni. Huwa veru li l-PL irnexxielu jisseduċi numru
mdaqqas ta’ votanti għall-korruzzjoni, iżda niżbaljaw jekk naħsbu li dan hu
l-uniku fattur li rebbaħ lil Joseph Muscat.
Għalhekk nemmen li fit-triq tiegħu biex ikun gvern alternattiv, il-Partit Nazzjonalista għandu jifforma koalizzjoni nazzjonali magħmula mill-votanti tradizzjonali tiegħu, il-kostitwenza favur il-governanza tajba kif ukoll votanti li huma iktar flessibbli. In-numri hadd ma jista’ jmerihom.
Għal dan il-għan, huwa importanti ħafna li
d-diskors politiku ikun inklussiv u mhux patronizzanti, u li jiffoka fuq suġġetti
ta’ jgħixu n-nies fil-ħajja ta’ kuljum u li huma koerenti mat-twemmin bażiku
tal-Partit Nazzjonalista bħad-dinjita’, is-solidarjeta’ u s-sussidjarjeta’.
Nappella lil dawk kollha ta’ rieda tajba, hu x’inhu
il-kulur politiku tagħhom, sabiex ma jinżlux fil-livell ta’ l-esaġerazzjonijiet,
fake news, u insulti personali. Huwa
importanti li nkunu leali lejn il-verita’, iżda huwa ugwalment importanti li
nikkomunikaw b’mod effettiv.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 3 ta' Ġunju 2018