Sunday, June 10, 2018

Pensjonijiet fit-tul - Michael Briguglio

Fis-27 ta’ Mejju ktibt dwar il-pensjonijiet f’pajjiżna u vverifikajt jekk dawn humiex adekwati ghall-pensjonanti tal-llum. L-artiklu tal-llum jitratta s-sostenibilita’ tal-pensjonijiet ghas-snin li ġejjin.

Il-gvern Laburista qed jiddependi mill-influss ta’ ħaddiema barranin biex jiffinanzjaw is-sistema tal-pensjonijiet. Din hi l-istess sistema li tuża id-dħul iġġenerat preżentament mill-bolla biex tħallas lill-pensjonanti tal-llum u li sussegwentament ser ikollha bżonn  id-dħul tal-futur biex tħallas il-pensjonijiet futuri, sa kemm ma jkunx hemm riforma sostenibbli fis-sistema tal-pensjonijiet.

Sa dan it-tant, il-popolazzjoni ta’ Malta qeghda tikber fl-eta’, u dan ifisser li fil-futur ser ikun hemm rata relattiva iżgħar ta’ ħaddiema li jkunu jistgħu jiffinanzjaw il-pensjonanti fl-istess perjodu. Id-differenza bejn iż-żewġ gruppi demografiċi tista’ tiċkien jekk iktar nisa u ħaddiema barranin ikollhom impjieg jew jekk tiżdied l-eta’ ta’ l-irtitar. Din ta’ l-aħħar hi politikament kontroversjali u ma nistenna l-ebda partit politiku jwiegħedha f’ xi programm elettorali.

Dwar dik ta’ l-ewwel, tajjeb ngħidu li preżentament, iktar nisa u ħaddiema barranini qed isibu impieg, u nistgħu nantiċipaw li iktar nisa isibu impieg fis-snin li ġejjin. Hawnhekk wieħed jittama li iktar irġiel jinvolvu lilhom infushom fit-trobbija tat-tfal u xogħol tad-dar sabiex ikun hemm iktar ugwaljanza bejn is-sessi.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħaddiema barranin, ma naħsibx li jkun għaqli li nipprevedu kemm ġejjin ħaddiema fuq medda twila ta’ snin. Dan għaliex kull ekonomija jkollha ċikli u ritmi differenti, u t-tkabbir tal-llum m’huwiex garanzija ta’ tkabbir għada, speċjalment meta l-ekonomija ma tkunx waħda neċċessarjament sostenibbli. Għalhekk, jista’ jkun li fil-futur ikun hemm domanda iżghar għall-ħaddiema barranin.

Ejja nħarsu lejn figuri uffiċjali f’dan ir-rigward. In-numru ta’ kontributuri tal-bolla – kemm Maltin u barranin – żdied b’ 38,105 bejn l- 2012 u l-2016, jiġifieri żieda ta’ 23 fil-mija. Fl-istess ħin kien hemm żieda ta’  31 fil-mija fil-kontribuzzjoni tal-bolol, minn €194 miljun ghal €255 million.

M’huwiex ċar kemm minn dan l-ammont huwa mħallas minn ħaddiema barranin (kemm mill-UE jew pajjiżi oħra), iżda wieħed jista’ jassumi li l-kontribuzzjoni tagħhom żdiedet b’mod sostanzjali.

Seba’ snin ilu, il-konsulenti tal-Gvern ta’ dak iż-żmien kienu wissew li l-pensjonijiet kellhom sfidi relatati mas-sostenibilita’ minħabba numru relattiv iżgħar ta’ ħaddiema, fertilita’ iktar baxxa, u nies jgħixu ħajja itwal. Huma kienu taw parir li pajjiżna jimporta ħaddiema barranin b’hiliet għolja, li l-eta’ ta’ l-irtirar tkun relatata ma’ l-eta’ medja ta’ kemm jgħixu n-nies, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ pensjoni second pillar.

Din ta’ l-aħħar hija skema obligatorja fejn ħaddiema ikollhom skema żejda ta’ assikurazzjoni apparti dik tal-bolla, iżda l-Gvern ma jkunx jista’ jużaha għal spiża oħra apparti l-pensjonijiet futuri ta’ l-istess kontributuri. Ħaddiema jkunu jistgħu iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom tul is-snin biex b’hekk igawdu minn pensjoni aħjar meta jirtiraw.

Fl-opinjoni tiegħi din it-tip ta’ skema tista’ tkun iktar soċjalment ġusta jekk il-Gvern jassisti lil min ma jistax jipparteċipa f’din l-iskema minħabba raġunijiet soċjo-ekonomiċi ġenwini.

Sa dan it-tant, kien hemm bidla fil-gvern fl-2013 u l-gvern Laburista ħabbar skema ġdida. Neħħa l-pensjonijiet second pillar mill-aġenda u minflok emfasiżża iktar iż-żieda ta’ ħaddiema nisa u barranin fis-suq tax-xogħol.

Nemmen li meta l-Gvern Laburista ddeċieda li jwarrab il-pensjonijiet second pillar ma kienx qed iħares fit-tul, minħabba li qed jibbaża wisq fuq ir-realta ekonomika preżenti u fuq ħtigijiet elettorali.

Il-Gvern Laburista qiegħed jiddependi ukoll fuq pensjonijiet privati u volontarji (third pillar), li filwaqt li għandhom il-vantaġġi, għandhom ukoll numru ta’ żvantaġġi. L-ewwel, dawn aktarx jattiraw biss lil min jista’ jħallashom, u t-tieni, ħafna nies ma’ jħarsux fit-tul, u għalhekk jgħażlu li ma jinvestux f’dan il-qasam anke jekk jaffordjaw jagħmlu dan.  Jekk irridu sistema ta’ pensjonijiet sostenibbli u li tħares lejn il-ġid komuni, jeħtieġ gvern li jimpurtaħ.

Sfortunatament il-gvern preżenti mhux qed jikkunsidra xenarji ekonomiċi inqas favorevoli li jwasslu għal numru iżghar ta’ ħaddiema barranin u inqas kontribuzzjonijiet ghall-pensjonijiet.

Il-gvern ikun iktar għaqli u prudenti li kieku jqis iż-żieda fil-ħlasijiet tal-bolla minn ħaddiema barranin bħala dħul straordinarju u mhux bħala garanzija għas-sostenibilita’ tal-pensjonijiet. L-istess bħal ma qed jagħmel fil-politika ekonomika, il-gvern qed ikun wisq dipendenti fuq setturi limitati.

Ir-riforma fil-pensjonijiet m’hijiex l-iktar suġġett attraenti, iżda huwa wieħed li qegħdin fih flimkien u li jeħtieġ kunsens nazzjonali illum qabel għada.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 10 ta' Ġunju 2018