Sunday, February 17, 2019

Valutazzjonijiet tal-impatt soċjali – Michael Briguglio


Ir-residenti jibbenefikaw minn proġetti ta’ żvilupp enormi li jikkummerċjalizzaw art pubblika? Il-bilanċ pożittiv baġitarju ta’ Malta qed jolqot lil gruppi soċjali differenti bl-istess mod? Il-koeżjoni soċjali qiegħda tingħata l-importanza li jistħoqqilha fil-proċess ta’ politika f’Malta? Dawn huma xi wħud mill-mistoqsijiet li jixirqilhom riċerka msejsa fuq l-evidenza permezz ta’ valutazzjonijiet tal-impatt soċjali (social impact assessments).

F’artikli oħra f’din il-gazzetta semmejt il-bżonn li jiġu evalwati l-impatti soċjali ta’ proġetti ta’ żvilupp. Fid-dawl tal-mudell ekonomiku Malti bħalissa, inħoss li llum il-ġurnata l-ħtieġa għal evidenza bħal din hija akbar minn qatt qabel f’oqsma ta’ politika differenti.

Qabelxejn, jista’ jkun li xi qarrejja mhumiex familjari ma’ dan it-terminu. Valutazzjoni tal-impatt soċjali tanalizza l-effetti soċjali tal-iżvilupp u l-bidla soċjali, kemm dawk maħsubin kif ukoll dawk li ma jkunux.

L-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Valutazzjoni tal-Impatt tiddefinixxi valutazzjoni tal-impatt soċjali bħala l-proċess ta’ analiżi, monitoraġġ u mmaniġġar tal-konsegwenzi soċjali intenzjonati u mhux intenzjonati, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, ta’ interventi ppjanati u kull proċess ta’ bidla soċjali mibdi minn dawk l-interventi.

Dawn il-bidliet jistgħu jvarjaw minn diżastri naturali sa tkabbir fil-popolazzjoni u minn interventi ta’ politika sa proġetti waħdanin ta’ żvilupp. Meta jseħħu bidliet bħal dawn, il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali jinvestigaw l-effetti fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies f’termini ta’ kultura, politika, komunità, saħħa, kuntentizza, aspirazzjonijiet, ħtiġijiet, jeddijiet u responsabbiltajiet, fost oħrajn. Jipprovdu d-data għal tfassil ta’ politika li jkun imsejjes fuq l-evidenza.

Jistgħu jintużaw diversi metodi, kemm kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi, fil-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali. Il-metodi kwantitattivi jirreferu għal data ġeneralizzabbli speċjalment fl-għamla ta’ numri, filwaqt li dawk kwalitattivi jipproduċu data aktar fil-fond dwar kwistjonijiet partikolari.

Fost il-metodi ta’ riċerka fil-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali għaldaqstant jista’ jkun hemm stħarriġ tal-popolazzjonijiet ikkonċernati li jsirulhom mistoqsijiet dwar kif huma jipperċepixxu l-bidla involuta. Metodi etnografiċi jistgħu jinvolvu ħarsa aktar fil-fond lejn il-prattiki ta’ kuljum tan-nies, filwaqt li intervisti jistgħu jivverifikaw il-pariri, it-tħassib u l-interpretazzjonijiet ta’ persuni li għandhom għarfien espert jew esperjenza fil-qasam rispettiv li jkun qed jiġi analizzat.

Il-metodi jistgħu jinvolvu wkoll l-analiżi tad-diskors fuq is-suġġett involut, pereżempju billi jitqies dak li jkun qiegħed jingħad fl-isfera pubblika, sew mill-pubbliku, is-soċjetà ċivili, atturi politiċi, il-mezzi tax-xandir u minn oħrajn .

Il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali għaldaqstant għandhom jinvolvu s-sehem ta’ partijiet interessati differenti, idealment billi titħaddem taħlita ta’ metodi ta’ riċerka.

Aktar milli jkunu eżerċizzji ta’ darba, il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali għandhom ikunu kontinwi, u idealment iwasslu għal politika li tkun aktar xierqa għall-kwistjoni involuta. B’hekk jistgħu jitwettqu rakkomandazzjonijiet u miżuri li jtaffu effetti negattivi, u dawn ikunu msejsa fuq evidenza soċjali xjentifika.

Huwa importanti wkoll li l-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali jiġu eżaminati minn persuni bl-istess livell ta’ għarfien espert tal-esperti li jkunu wettquhom. Dan ifisser li jekk ikun qed isir studju minn grupp ta’ esperti fix-xjenzi soċjali, dan l-istudju għandhom jagħmlu skrutinju tiegħu esperti indipendenti oħrajn fix-xjenza soċjali. Dan jista’ jgħin biex jiġu identifikati dgħufijiet, kunflitti u titjib possibbli fl-istess valutazzjoni tal-impatt soċjali.

Kif inhuma l-affarijiet, ma hemm ebda linji gwida nazzjonali dwar il-ħtieġa ta’ valutazzjonijiet tal-impatt soċjali f’Malta. It-twettiq ta’ studji bħal dawn fuq proġetti ta’ żvilupp jiddependi mid-diskrezzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Meta jsiru, b’eċċezzjoni, ikunu studji ta’ darba dwar proġetti kbar ta’ żvilupp. Dan effettivament ifisser li proġetti ta’ żvilupp fuq skala iżgħar b’impatti kumulattivi akbar ma ssirilhomx valutazzjoni tal-impatt soċjali.

Jekk inħarsu lejn interventi oħra ta’ politika, il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali huma prattikament ineżistenti. Fost eżempji oħra, nistgħu nsemmu l-importazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema, il-bejgħ tal-passaporti, id-dinamika tal-agrikoltura, l-għoli tal-ħajja, l-urbanizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ art pubblika.

Tabilħaqq, hemm bosta oqsma fejn jistgħu jiġu introdotti valutazzjonijiet tal-impatt soċjali f’Malta: il-konsultazzjoni tal-gvern dwar leġiżlazzjoni ġdida, proposti għall-baġit nazzjonali, l-adozzjoni ta’ direttivi tal-UE, il-kumitati parlamentari u l-kunsilli lokali huma biss ftit minnhom. Pereżempju, il-kunsilli lokali jistgħu jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt soċjali biex jistabbilixxu profili tal-komunitajiet, elementi kulturali komuni u differenzi kulturali, ħtiġijiet soċjali, id-demografika, l-effetti tal-iżvilupp, u affarijiet oħra.

L-Università ta’ Malta u istituzzjonijiet edukattivi oħrajn bħalissa qed jipproduċu gradwati fi xjenzi soċjali differenti li huma mgħammra biex iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt soċjali u li huma sensibbli għall-bżonn ta’ tfassil tal-politika msejjes fuq l-evidenza. Ejjew ma naħlux riżorsi tant importanti. Ejjew nilħqu kunsens politiku biex nintegraw il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali f’kull qasam.
Dan l-artiklu deher fil-Mument