Il-popolarità
tal-mezzi soċjali tant biddlet il-qasam tal-aħbarijiet li bosta saru jieħdu
l-aħbarijiet tagħhom primarjament minn pjattaformi bħal Facebook u YouTube.
Dan żied il-viżibbiltà
ta’ siti tal-aħbarijiet differenti, fejn il-qarrej jista’ jgħarbel, jagħżel u
jinterpreta skont il-valuri tiegħu. Il-qarrejja jistgħu wkoll jipproduċu aħbarijiet
huma stess permezz ta’ diversi għamliet ta’ teknoloġija u media – tabilħaqq
ilkoll aħna prosumaturi (produtturi u konsumaturi) attivi potenzjali u mhux
biss konsumaturi passivi tal-aħbarijiet.
Naturalment, dan ma
jfissirx li hemm ugwaljanza fil-produzzjoni u l-konsum tal-aħbarijiet:
l-ekonomija politika tal-produzzjoni tal-aħbarijiet ma tista’ qatt tiġi injorata
fil-qasam tal-media. Lanqas ma jistgħu jiġu injorati fatturi oħrajn bħal ħiliet
tekniċi, il-faċilità tal-qari, l-effikaċja, l-algoritmi u x-xejriet fil-media.
F’dan l-artiklu
nixtieq niddiskuti l-isfida marbuta mal-produzzjoni u l-konsum ta’ aħbarijiet
foloz. Hawnhekk m’iniex nirreferi għal ideoloġiji, valuri u perspettivi
differenti fl-interpretazzjoni tal-fatti. Dak li qiegħed nirreferi għalih huwa
aħbarijiet li huma għalkollox foloz.
Biex nagħti eżempju
bażiku: siti differenti tal-aħbarijiet jistgħu jagħtu interpretazzjonijiet
differenti tal-azzjoni ta’ politiku, jew jagħmlu enfasi fuq aspetti differenti
ta’ din l-azzjoni. Iżda jekk, ngħidu aħna, politiku jmut, dan il-fatt ma jistax
jiġi ffalsifikat fl-aħbarijiet. Forsi t-tħabbira tiegħu tista’ tiġi posposta –
kif xi kultant jiġri taħt reġimi dittatorjali – iżda l-mewt hija fatt li ħadd
ma jista’ jaħarbu.
Mistoqsija inevitabbli
li tqum b’rabta ma’ dan hi: għandna nkunu ħielsa li nxerrdu aħbarijiet foloz, u
mbagħad għandu jkun f’idejn il-qarrej jemminx dawn l-aħbarijiet jew le?
Nemmen li l-libertà
tal-kelma dejjem irid ikollha kuntest ta’ responsabbiltà. Il-mistoqsija hi kif
dan il-kuntest jista’ jiġi implimentat. Pereżempju, ir-responsabbiltajiet
legali u r-regolamenti għall-pjattaformi tal-aħbarijiet, fosthom dawk li jużaw
il-mezzi soċjali, jistgħu jiġu kkumplementati minn investiment akbar f’netwerks
li jivverifikaw il-fatti u aktar kooperazzjoni bejniethom.
Persuni li jħossuhom
imweġġgħin minn aħbarijiet foloz għandu jkollhom ukoll faċilitajiet aktar
aċċessibbli biex jiddefendu kemm ir-reputazzjoni tagħhom kif ukoll
il-‘veritajiet’ li jemmnu li tkasbru.
Ma nemminx li dan
għandu jwassal għal ‘pulizija tal-verità’ awtoritarji, iżda nissimpatizza ma’
persuni li ħajjithom tkissret bis-saħħa ta’ gideb li nfirex fuq il-mezzi
soċjali.
Kif inhuma
l-affarijiet bħalissa, il-pjattaformi tal-mezzi soċjali bħal Facebook joffru
ftit li xejn rimedji għall-vittmi ta’ aħbarijiet foloz. Nittama li l-ħatra dan
l-aħħar tal-ex-Viċi Prim Ministru tar-Renju Unit Nick Clegg bħala l-kap tat-tim
għall-affarijiet dinjin u l-komunikazzjoni ta’ Facebook tista’ tgħin biex
il-qagħda f’dan il-qasam titjieb.
Nemmen ukoll li aħna
ċ-ċittadini għandna nkun mgħammra biex nagħtu s-sehem tagħna biex niġġieldu
kontra l-aħbarijiet foloz. L-edukazzjoni ċivika, etika u politika għandha tiġi
integrata fis-sistema edukattiva u l-atturi politiċi għandhom jiffurmaw
koalizzjonijiet ta’ fiduċja biex jiġġieldu kontra prattika diżonesta.
Nistieden ukoll
lill-qarrejja biex ifittxu siti tal-internet professjonali li jivverifikaw
il-fatti bħal Snopes u The Conversation.
Christina Hagler,
mill-Università ta’ Harvard, tirrakkomanda li ninvestigaw ukoll dak li
jirrappreżentaw siti tal-aħbarijiet partikolari. Xi kultant, anke
karatteristiċi grammatiċi bażiċi jistgħu jikxfu n-natura ta’ sit
tal-aħbarijiet.
Bl-istess mod, nistgħu
nagħrfu li sit ma jkunx serju fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ referenzi u sorsi,
jekk l-aħbar partikolari prattikament ma tidher f’ebda sit ieħor jew jekk
is-sit partikolari jkollu isem li huwa kważi identiku għal dak ta’ sit
tal-aħbarijiet leġittimu ieħor.
Fl-aħħar nett, ejjew
ma naqgħux għall-illużjoni li, sempliċiment għax sit tal-aħbarijiet ikun
popolari, dan bilfors ikun qiegħed jgħid il-verità.
Xi drabi, aħbar falza
tinfirex, anke jekk ikun hemm indikazzjonijiet li jintgħarfu minn qarrejja li
jaqraw l-aħbarijiet b’reqqa u għaqal. Meta jiġri hekk, naħseb li hija r-responsabbiltà
tagħna bħala ċittadini attivi li niġbdu l-attenzjoni għall-falsità ta’ aħbar
bħal din.
Għax tassew inkunu qed
nonqsu mir-responsabbiltajiet ċiviċi u demokratiċi tagħna jekk noqogħdu fuq
aħbar falza sempliċiment għax tinzerta titfa’ dawl ikrah fuq l-avversarji
tagħna. Hekk inkunu qisna qegħdin nilagħbu logħba mingħajr ma nħarsu r-regoli.
Ejjew ma npaxxux
lit-trolls li huma mġewħin għall-attenzjoni bid-diżonestà tagħhom. Ejjew
nikkritikaw, niddubitaw, u nsaqsu mistoqsijiet lil xulxin, iżda ejja nagħmlu
dan b’rispett u onestà.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 3 ta' Frar 2019