Ftit ġimgħat ilu, il-Prim Ministru Joseph Muscat wissa li jekk
il-Maltin ma jridux aktar barranin, jistgħu jinsew il-pensjonijiet. Żied li,
kieku Malta kellha tmur lura għas-sitwazzjoni li kienet fiha qabel, il-pajjiż
ma jkunx jista’ jħallas għall-pensjonijiet u jkollu jiżdied il-piż fuq min
iħallas it-taxxa.
Kien hemm reazzjonijiet
negattivi għal din l-istqarrija minn kull naħa: l-Oppożizzjoni, is-soċjetà
ċivili u l-mezzi tax-xandir. Fit-Times of
Malta tal-11 ta’ Frar, Carmel Mallia, il-president tal-Alleanza
tal-Organizzazzjonijiet tal-Pensjonanti, qal li l-organizzazzjonijiet
tal-pensjonanti huma mweġġgħin ħafna minn din l-istqarrija u mħassbin ferm
dwarha għaliex, għal darb’oħra, il-pensjonanti qed jingħataw it-tort
għall-qagħda soċjali u ekonomika preżenti.
Żied li, f’dawn l-aħħar
ħames snin, il-pensjonanti saru dejjem ifqar hekk kif il-prezzijiet
tal-prodotti, is-servizzi, il-kera u s-saħħa, fost oħrajn, sparaw ‘il fuq.
Fakkar lill-qarrejja tiegħu li, skont il-Eurostat, wieħed minn kull erba’
pensjonanti f’Malta uffiċjalment jinsab f’riskju ta’ faqar minkejja l-boom
ekonomiku tal-pajjiż.
Fl-aħħar nett, stieden
lill-Prim Ministru jkun trasparenti dwar is-sitwazzjoni preżenti u jiddikjara
li l-eżempju tiegħu meta semma l-pensjonijiet ma għandu qatt jitqies bħala
theddida għall-pensjonijiet u l-pensjonanti.
Iċ-ċifri uffiċjali b’rabta
mal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali jistgħu jagħtuna tagħrif siewi. Jekk inħarsu
lejn iċ-ċifri l-aktar reċenti, ippubblikati fid-29 ta’ Marzu 2018 fil-Gazzetta
tal-Gvern ta’ Malta, insibu li l-fondi mill-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà
soċjali u l-kontribuzzjoni diretta tal-Istat jammontaw għal €875,053,633.
In-nefqa totali għall-pensjonijiet taħt l-iskemi kontributorji tilħaq €749,667,709,
u b’hekk tindika bilanċ pożittiv bejn il-kontribuzzjonijiet u n-nefqa fuq
il-pensjonijiet. Huwa biss meta jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi (€8,132,555)
u s-servizzi rikorrenti tas-saħħa (€670,074,218) li tirriżulta diskrepanza ta’ €544,688,294
fis-sigurtà soċjali.
Dawn iċ-ċifri juru li kieku
l-gvern juża l-kontribuzzjonijiet għall-pensjonijiet, ma jkunx hemm defiċit
fil-pensjonijiet. Għalhekk, mhuwiex ġust li t-tort għall-problema li hemm fil-pensjonijiet
bħalissa jingħata lill-pensjonanti.
Tabilħaqq, kif xi wħud kitbu
tul is-snin li għaddew, il-leġiżlazzjoni ta’ Malta (L-Att dwar is-Sigurtà
Soċjali, Kap. 318) ma tawtorizzax li s-servizzi rikorrenti tas-saħħa jitħallsu
mis-sigurtà soċjali. Tassew li f’Malta hawn kunsens nazzjonali biex din
in-nefqa tiġi ffinanzjata mill-fondi tal-Istat, iżda għaliex għandha tiġi
ffinanzjata minn dħul allokat għall-pensjonijiet?
B’rabta ma’ dan, fl-1979,
il-prim ministru ta’ dak iż-żmien, Dom Mintoff, neħħa l-Fond
għall-Assigurazzjoni Nazzjonali, u l-kontribuzzjonijiet kollha għas-sigurtà
soċjali minn min iħaddem, l-impjegati u l-gvern ġew inklużi fil-Fond Konsolidat
ta’ Malta, fejn setgħu jintużaw għal spejjeż oħrajn. Barra minn hekk,
ir-riformi ta’ Mintoff kienu jfissru wkoll li l-pensjonijiet il-ġodda ‘taż-żewġ
terzi’ kienu limitati minkejja l-kontribuzzjonijiet tal-persuna, u li parti
min-nefqa tal-gvern kienet titħallas minn dawk li kienu intitolati għal
pensjoni mingħand min kien iħaddimhom, kif inhu l-każ tal-pensjonanti
tas-servizz li ġew imċaħħda parti mill-pensjoni tal-Istat tagħhom li kemm huma
kif ukoll min kien iħaddimhom ikkontribwixxew għaliha.
Qabel l-1979, dawk li
kienu ħaddiema taċ-ċivil kienu jirċievu din il-pensjoni tal-assigurazzjoni
nazzjonali flimkien ma’ pensjoni tas-servizz mit-Teżor. Il-valur reali ta’ din
tal-aħħar ikompli jonqos kull sena. Il-pensjonanti f’din is-sitwazzjoni ilhom
iħallsu l-kontribuzzjoni kollha kemm hi għal aktar minn 40 sena iżda jirċievu
biss ammont żgħir għal dan. Qiegħdin jikkofinanzjaw pensjonijiet oħrajn permezz
tal-kontribuzzjonijiet tagħhom, allura għaliex qed jiġu mċaħħda dak li hu
tagħhom bi dritt?
Ta’ min niftakru wkoll li,
kif qal Albert Cilia-Vincenti, il-president tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-
Pensjonanti tas-Servizz, fit-Times of
Malta (28 ta’ Jannar), il-gvern ta’ Malta jnaqqas ukoll il-pensjoni
kontributorja tas-sigurtà soċjali ta’ Malta għal dawk li jirċievu wkoll
pensjoni tas-servizz minn pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea. Ftit ġimgħat ilu,
ktibt lil-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon dwar dan iżda, sa
issa, ma ngħatat ebda tweġiba.
Inħoss li l-gvern qiegħed
jikkalkula b’mod kliniku li din id-demografika qiegħda tonqos u għaldaqstant
qiegħda progressivament titlef l-impatt elettorali tagħha. Għall-kuntrarju,
għandna nuru solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u niżguraw li l-pensjonanti
jgħixu f’dinjità.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 24 ta' Frar 2019