L-istatistika reċenti tal-Eurostat mhi inkoraġġanti xejn għas-settur
agrikolu. Id-dħul fis-settur naqas b'9.4 fil-mija bejn l-2016 u l-2017, u naqas
b'madwar terz mill-2010. Il-Finlandja u s-Slovenja għaddew minn tnaqqis simili
għal dak f'Malta, iżda pajjiżi bħall-Ġermanja, il-Lussemburgu, l-Irlanda u
l-Litwanja kellhom żidiet impressjonanti li jvarjaw minn 20 sa 35 fil-mija.
Filwaqt li Malta u l-Irlanda huma l-uniċi żewġ stati membri tal-UE fejn il-forza
tax-xogħol ma naqsitx tul dawn l-aħħar għaxar snin, il-forza tax-xogħol
agrikola ta' Malta hija t-tielet l-iżgħar fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk,
sitta fil-mija biss tal-bdiewa f'pajjiżna huma nisa - it-tieni l-anqas fl-Unjoni.
Statistika sinifikanti oħra tgħid li Malta kienet wieħed mill-pajjiżi
tal-UE bi tnaqqis qawwi fit-tkabbir fl-investiment, bi tnaqqis medju ta' 6.8
fil-mija kull sena mill-2009.
L-organizzazzjoni mhux governattiva ambjentali Friends of the Earth
ukoll tagħti data interessanti fir-rapport tagħha AgroKantina u permezz tas-sehem
tagħha fil-proġett 'Citizen's CAP' (il-Politika Agrikola Komuni taċ-Ċittadin)
ta' Friends of the Earth Europe, appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea.
Din id-data turi li hawn 19,000 bidwi, u l-għadd ta' dawk li jaħdmu
full-time qiegħed jonqos. Erbgħin fil-mija tal-art ta' Malta bħalissa tista'
tiġi kklassifikata bħala art agrikola. Sitta u sebgħin fil-mija tal-azjendi
agrikoli Maltin huma mikro-azjendi, jiġiferi ta' daqs ta' inqas minn ettaru.
Tabilħaqq, il-Eurostat ifakkarna li s-sehem ta' azjendi agrikoli żgħar
f'Malta huwa l-ogħla fl-istati membri kollha tal-UE (96.5 fil-mija). Dawn
ikollhom daqs ta' anqas minn ħames ettari.
Friends of the Earth iżżid li 45 fil-mija tal-art agrikola tintuża għal uċuħ
għall-għalf segwiti minn użi oħra bħall-agrikoltura għas-suq (16 fil-mija) u
ġonna għall-kċina (12 fil-mija) rispettivament.
Sebgħa u ħamsin fil-mija tal-frott li jitkabbar f'Malta huwa għeneb,
segwit mil-larinġ (12 fil-mija) u l-frawli (disgħa fil-mija). L-aktar 'ħaxix'
popolari huwa t-tadam (17 fil-mija), segwit mill-patata (15 fil-mija) u oħrajn.
Meta nqisu t-tnaqqis imsemmi, il-kontribut ta' anqas minn tnejn fil-mija tal-prodott gross domestiku u bidliet soċjali
oħrajn bħall-firxa urbana ta' Malta, għandna naqtgħu qalbna mill-agrikoltura?
Nittama li le.
Jien tal-fehma li l-bdiewa jistħoqqilhom għajnuna u inċentivi sabiex
ikollhom aktar setgħa u jgħinu fil-ħarsien tal-pajsaġġ Malti. Is-sħubija ta'
Malta fl-UE kellha kemm tippreżenta sfidi kif ukoll tagħti opportunitajiet
lis-settur, iżda l-gvern qiegħed jagħti l-importanza mistħoqqa lis-settur? Biex
nagħti eżempju wieħed, għaliex twaqqfet ir-riforma tal-pitkalija?
Barra minn hekk, għaliex bosta bdiewa qed ikollhom spejjeż ogħla u anqas
qligħ? Għaliex qed jiġu mċaħħda minn forom ta' assigurazzjoni pereżempju kontra
bidliet fil-klima? Għaliex sikwit jiġu soġġetti għal kompetizzjoni inġusta u
nuqqas ta' konsultazzjoni?
Wieħed mill-punti ta' diffikultà huwa l-fondi tal-UE. Xkiel burokratiku,
żminijiet twal ta' stennija u n-nuqqas ta' għoti ta' prijorità lil dan il-qasam
mill-gvern sikwit qed iżidu diffikultajiet li jistgħu jiġu evitati
għall-bdiewa.
Jekk dawk li jfasslu l-politika jiddeċiedu li jagħtu l-importanza li
jistħoqqilha lill-agrikoltura lokali, jistgħu jiġu introdotti għadd ta'
riformi.
L-ewwel nett, il-politika tal-ippjanar għandha tħares l-art rurali u
tħeġġeġ lill-bdiewa biex jużaw l-art għal skopijiet agrikoli minflok jiġu
sfurzati jbigħuha għal użi oħra.
It-tieni, l-għarfien espert u l-għajnuna tekniċi għandhom jgħinu kemm
lill-gvern kif ukoll lill-bdiewa fl-aħjar modi ta' applikazzjoni u użu
tal-fondi tal-UE u dawk nazzjonali u fl-iżgurar ta' metodi agrikoli sostenibbli.
Il-gvern għandu wkoll iżid it-trasparenza fil-pitkalija, jissimplifika
l-proċeduri burokratiċi, iwettaq stħarriġ estensiv tal-art u jagħti lill-bdiewa
l-possibbiltà li jkollhom it-titolu legali fuq l-art sabiex ikunu jistgħu
japplikaw għal opportunitajiet ta' finanzjament. Il-gvern għand jagħti
inċentivi wkoll għall-użu sostenibbli tal-ilma u t-trattament xieraq
tal-annimali.
Malta teħtieġ ukoll riformi li jħeġġu l-aċċess tal-bdiewa żgħażagħ
għas-suq, u li jsaħħu proċessi ta' politika aktar parteċipatorji biex
jinstemgħu l-ilħna tal-bdiewa, l-akkademiċi u s-soċjetà ċivili fil-qasam.
Fuq livell Ewropew, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) ukoll teħtieġ
riforma. Minn perspettiva Maltija, nemmen li punt importanti li għandu jissemma
hu l-ispeċifiċità ta' gżejjer żgħar u azjendi agrikoli żgħar. Dan għandu
jitqies fil-proċess ta' politika, għax inkella l-PAK ser tibqa' xxaqleb favur
negozji agrikoli kbar.
Huwa veru li l-agrikoltura tirrappreżenta persentaġġ żgħir tal-prodott
gross domestiku, iżda l-kontribut strateġiku tagħha għas-soċjetà Maltija huwa
imprezzabbli. Dan hu qasam ieħor fejn hemm ħtieġa urġenti ta' kunsens politiku.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 27 ta' Jannar 2019