Wednesday, January 02, 2019

Is-solitudni f’kuntest urban – Michael Briguglio



Fil-ħajja urbana jeżistu bosta inizjattivi u opportunitajiet biex l-anzjani ikunu parti minn komunitajiet varji. Dawn jinkludu inizattivi bħat-tagħlim tul il-ħajja u attivitajiet soċjali organizzati mill-kunsilli lokali; sħubija ma’ għaqdiet impenjati fil-volontarjat; inizjattivi edukattivi bħall-universita’ tat-tielet eta’; u diversita’ ta’ inizjattivi reliġjużi, sportivi, politiċi, kulturali u soċjali.



Iżda jibqa’ l-fatt li paradoss tal-ħajja urbana hi fil-lokalitajiet tagħna issib bosta persuni, fosthom anzjani, li jħossuhom waħidhom.



F’dan iż-żmien tas-sena, hemm min iħossu wahdu ghax m’ghandux ma min igawdi l-istagun ferrieħi. Hemm min hu wahdu minhabba ragunijiet ta’ saħħa mentali bħad-dipressjoni jew anzjeta’. Hemm min qed jgħix il-ġuħ u l-faqar u jkollu jagħmel sagrifiċji kbar. U hemm min ġej minn komunitajiet oħra u jsiba diffiċli biex jintegra. Saħansitra issa hemm fenominu ġdid ta’ persuni, inkluz anzjani, li qed jiġu żgumbrati minn fejn ilhom joqogħdu għal snin twal.



empji bhal dawn jistghu ikunu relatati ma’ xulxin.



Sfortunatament, suġġetti bhas-saħħa mentali u s-solitudni ma tantx huma popolari, forsi għax hemm suġġetti oħra li per eżempju fl-istampa huma iktar seduċenti jew viżibli.



Izda jeħtieg li dawk involuti b’xi mod jew iehor fil-politika jew fil-media inkunu iktar alerti għal realtajiet soċjali varji.



Per eżempju, huwa importanti li nifmhu li s-soċjeta’ m’hijiex magħmula biss minn dawk li naqraw dwarhom fil-gażżetti jew fuq facebook. Hemm bosta nies li jħossuhom waħedhom, li qed ibagħtu xi forma ta’ dipressjoni.



Dawn jistgħu jinkludu pensjonanti ġodda li qed iduqu dinja ġdida u solitarja wara snin twal ta’ impjieg. Jistgħu jinkludu barranin mingħajr familji jew ħbieb. Persuni anzjuzi dwar bidliet li qed jgħixu: fil-familja, fis-saħħa, fir-relazzjonijiet, fuq ix-xogħol u fis-soċjeta’. Jistgħu jinkludu vittmi ta’ ibbulijar, sessiżmu, razziżmu u forom varji ta’ disrkiminazzjoni. U jistghu jinkludu persuni li sempliċiment iħossuhom ‘stranġieri’.  Saħansitra jista’ jkun hemm ukoll persuni li m’humiex konxji jew attrezzati biex jiffaċċjaw kwistjonijiet ta’ saħħa mentali.



Meta niddiskutu u nanaliżżaw dawn ir-realtajiet, tajjeb li ninnutaw li xi kultant anke persuni assoċjati mal-poter jistgħu ikunu dgħajfa u fraġli: dawn jistgħu jinkludu ukoll irġiel eterosesswali li paradossalment iħossuhom iktar prekarji biex jitkellmu dwar is-sitwazzjoni tagħhom.



Jeħtieg li s-soċjeta’ tagħna tinfetaħ iktar f’din il-materja. Hekk sar f’kwistjonijiet bħall-LGBTIQ: suġġett li kien taboo soċjali sar wiehed prominenti fil-politika soċjali.



Biex dan isir fl-oqsma bħas-saħħa  mentali u s-solitudni, il-politiċi, l-istampa u s-soċjeta’ ċivili għandhom rwol ewlieni. Jeħtieg ukoll li fil-qasam edukattiv ikun hemm iktar emfasi u viżibilita’. Diġa’ hemm min jaħdem f’dawn l-oqsma: minn għaqdiet bhall-Caritas, Richmond Foundation u Malta Health Network sal-mijiet ta’ counsellors, psikoloġi, psikjatri, social workers u care workers li jaħdmu minn wara l-kwinti.



Il-kontribuzzjoni ta’ entitajiiet pubbliċi, privati u l-volontarjat jistgħu issaħħu il-komunitajiet taghna. Skejjel, kunsilli lokali, il-media soċjali jistgħu kollha jgħinu sabiex il-persuna tkun imħarrġġa f’kas ta’ bżonn u sabiex is-soċjeta’ tkun iktar sensibbli għal dawn ir-realtajiet.



Fl-akkademja, hemm bosta suġġetti li jittrattaw dawn il-kwistjonijet: dawn is-suġġetti imorru lil’hinn mill-loġika tas-suq, iżda huma importanti ferm għas-sisien tas-socjeta’, għal dak li aħna s-soċjologi insejħħu ‘kapital soċjali’. Riċerka empirika tista’ toffri l-evidenza neċċessarja għal politika infurmata.



Għalhekk, nappella sabiex il-ħidma politika tikkunsidra ukoll suġġetti li kemm il-darba huma iktar viċin il-ħajja ta’ kuljum ta’ bosta persuni.

(Dan l-artiklu deher Fin-Nazzjon)