Sunday, January 13, 2019

Kemm hawn proprjetajiet battala? - Michael Briguglio



Mhux ironiku li, filwaqt li l-gvern qiegħed jikkunsidra riforma tal-leġiżlazzjoni dwar il-kera, ħadd ma jaf kemm jeżistu proprjetajiet battala f'Malta?



L-unika informazzjoni eżistenti li nistgħu noqogħdu fuqha ġejja miċ-ċensiment nazzjonali tal-2011. Meta nneħħu l-proprjetà li tintuża staġonalment - pereżempju l-villeġġaturi tas-sajf - Malta dak iż-żmien kellha madwar 41,000 proprjetà battala.



Imma minn dak iż-żmien 'l hawn ma ġiet ippubblikata ebda data uffiċjali oħra, minkejja l-bidliet li seħħu fis-settur Malti tad-djar. Dawn kienu marbutin mill-qrib ma' bidliet ekonomiċi u soċjali.



Dak iż-żmien Malta kien qed ikollha suċċess relattiv billi jirnexxielha tegħleb il-kriżi ekonomika dinjija iżda llum hija minn ta' quddiem fit-tkabbir ekonomiku, sitwazzjoni li tista' terġa' tinbidel fis-snin li ġejjin.



Fl-2011, il-kostruzzjoni kellha rwol importanti fil-politika ekonomika ta' Malta, iżda issa qiegħda fil-qalba tal-pjanijiet tal-gvern, kemm direttament kif ukoll indirettament. Il-gvern qiegħed iħeġġeġ l-iżvilupp ta' proġetti kbar, ibigħ il-passaporti u jimporta eluf ta' ħaddiema u l-familji tagħhom. Anke f'dan, is-sitwazzjoni tista' tinbidel fis-snin li ġejjin, kemm permezz tal-politika interna iżda wkoll minħabba konsegwenzi mhux maħsuba jew fatturi esterni.



Sadanittant, kellu jkun student tal-Università ta' Malta, Dario Cacopardo, li jirrakkomanda fit-teżi tiegħu li qabel il-gvern jibda jaħdem fuq politika ġdida dwar id-djar, għandu jaġġorna l-informazzjoni tiegħu. Jien nixtieq nuri l-appoġġ tiegħi għall-fehmiet ta' Cacopardo.



Tabilħaqq, Malta teħtieġ aktar tfassil ta' politika msejjes fuq l-evidenza f'kull qasam.



Naturalment, il-gvern jista' jargumenta li s-sitwazzjoni attwali fil-qasam tad-djar titlob miżuri urġenti, minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-kera. Iżda kif sħaqt f'din il-gazzetta, l-abbozz ta' white paper tal-gvern ma jindirizzax tassew il-kwistjonijiet immedjati.



Forsi l-prudenza titlob żewġ fergħat ta' tfassil ta' politika f'dan il-qasam: waħda għal miżuri immedjati fuq medda qasira ta' żmien li jolqtu lil dawk li qed iħabbtu wiċċhom ma' emerġenzi ta' akkomodazzjoni, u waħda għal miżuri fuq medda itwal ta' żmien biex tingħata prijorità lis-sostenibilità, l-ugwaljanza, l-effiċjenza u l-ġustizzja soċjali fis-settur.



Sadanittant, il-gvern jista' jikkummissjona riċerka soċjo-xjentifika xierqa biex jgħodd, jikkategorizza u jinterpreta l-istokk attwali u futur ta' akkomodazzjoni f'Malta. Nistgħu nkunu kważi ċerti li l-proprjetajiet battala naqsu mill-2011, iżda din is-suppożizzjoni waħidha ma tagħtiniex biżżejjed evidenza għal tfassil ta' politika sostenibbli.



Lanqas ma jagħtuna biżżejjed evidenza suppożizzjonijiet ferm importanti oħrajn li Cacopardo jiġbed l-attenzjoni għalihom fir-riċerka tiegħu.



Pereżempju, jiddikjara li bosta proprjetajiet battala qodma jinsabu madwar il-Port il-Kbir iżda mhumiex qed jinbigħu, filwaqt li proprjetajiet ġodda jinbigħu ferm aktar faċilment. Raġuni waħda għal dan hi li diversi proprjetajiet qodma kkonċernati huma regolati permezz ta' sistemi qodma ta' kiri u ġew abbandunati.



Il-manutenzjoni jew ir-restawr tagħhom jiswa ħafna flus, u dan iwassal biex ikomplu jiddeterjoraw. Minbarra dan, meta dawn il-proprjetajiet ikunu soġġetti għal proċedimenti fil-qorti, dawn jistgħu idumu eternità biex jissolvew, minkejja riformi tajbin introdotti mill-gvern biex jiffaċilita l-bejgħ ta' proprjetajiet bħal dawn.



Barra minn hekk, jeżisti nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet marbutin mal-manutenzjoni jew ir-restawr ta' bini, tant li bosta ħaddiema barranin qegħdin jiġu importati għal din ir-raġuni. Rajt eżempji relatati b'għajnejja stess, pereżempju fi djar soċjali qodma tal-gvern, li kellhom bżonn il-kostruzzjoni ta' lifts, iżda din kienet tista' ssir biss ladarba jkunu disponibbli l-ħaddiema. Fl-istess waqt, ir-residenti jħabbtu wiċċhom ta' kuljum ma' problemi ta' mobilità u aċċessibilità.



Inċidentalment, Cacopardo jenfasizza li ħadd ma jaf kemm proprjetajiet huwa sid tagħhom il-gvern, aħseb u ara l-qagħda attwali tagħhom.



Rakkomandazzjonijiet bħal dawn huma importanti għal għadd ta' raġunijiet. L-ewwel nett, jirreferu għal sfidi reali li qed jaffaċċaw diversi gruppi kkonċernati f'Malta: mis-sidien tal-proprjetà għal dawk li jikru, minn dawk li jfasslu l-politika għall-aġenti tal-proprjetà u mill-akkademiċi għall-ħaddiema.



It-tieni nett, dawn ir-rakkomandazzjonijiet jikkonfermaw l-importanza tar-riċerka li titwettaq fl-Università ta' Malta u istituzzjonijiet akkademiċi oħrajn. Dawn mhumiex sempliċiment fabbriki li jipproduċu l-ħaddiema, iżda aktar minn hekk huma ċentri ta' għarfien li jipprovdu mistoqsijiet u tweġibiet importanti.



It-tielet, rakkomandazzjonijiet bħal dawn jipprovdu l-pedamenti li fuqhom nibnu d-deliberazzjoni politika u, fejn possibbli, il-kunsens dwar tfassil ta' politika hekk importanti.


Dan l-artiklu deher fil-Mument, 13 ta' Jannar 2019