Studju
li sar dan l-aħħar minn tliet akkademiċi Daniżi jevalwa l-parteċipazzjoni
pubblika fil-politika urbana. L-istudju ta' Marie Leth Meilvang, Hjalmar Bang
Carlsen u Anders Blok deher fil-European Journal of Cultural and Political
Sociology u janalizza l-bidliet reċenti fl-għamliet kulturali-politiċi
tal-parteċipazzjoni ċivika fl-ippjanar urbanistiku formali fid-Danimarka.
Dan l-istudju
juri kif f'dawn l-aħħar 40 sena, il-parteċipazzjoni ċivika fl-ippjanar
urbanistiku kienet ikkaratterizzata minn tensjonijiet dwar il-proċessi ta'
teħid ta' deċiżjonijiet. Din is-sitwazzjoni ġiet studjata b'modi differenti fi
ħdan approċċ akkademiku definit bħala soċjoloġija pragmatika.
Mod
wieħed kif nagħtu ħarsa lejn tensjonijiet bħal dawn huwa billi nanalizzaw
il-prattiki u l-proċessi ta' ġustifikazzjoni, kritika u kompromess fil-proċessi
ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Approċċ ieħor fil-qasam janalizza kif
l-involviment tal-pubbliku jiddependi mill-familjarità tal-persuni involuti
mal-postijiet ikkonċernati, filwaqt li approċċ ieħor janalizza kif l-ibliet jiġu ordnati permezz ta' miri u
indikaturi li jistgħu jitkejlu, li jinkludu u jeskludu prattiki rispettivi.
Fid-Danimarka
u għadd ta' stati membri oħrajn tal-UE, il-kunsilli lokali għandhom
ir-responsabbiltà demokratika aħħarija għall-ippjanar, u l-awtoritajiet
rispettivi tagħhom jikkoordinaw proċeduri ta' parteċipazzjoni formali u
informali, li jinvolvu ċittadini ordinarji, organizzazzjonijiet mhux governattivi
(NGOs), gruppi ta' interess u oħrajn. Ir-reazzjonijiet rispettivi tagħhom
għall-proposti ta' żvilupp jintbagħtu lill-awtoritajiet u b'hekk tiġi stimulata
'konverżazzjoni', fejn ikun hemm djalogu bejn kritika u ġustifikazzjonijiet.
Djalogu
bħal dan iseħħ f'laqgħat ta' interess u sessjonijiet ta' ħidma, u d-differenzi
fil-fehmiet u l-opinjonijiet jiġu rikonoxxuti u mħeġġa bħala kontributi siewja
għall-ippjanar urbanistiku.
Dan
l-istudju sibtu utli ħafna għall-kuntest Malti. L-esperjenza tiegħi fil-politika
lokali u r-riċerka soċjoloġika tiegħi wassluni biex nikkonkludi li
l-konsultazzjoni pubblika hi proċess inkonsistenti f'Malta. Jekk Malta kienet
miexja bil-mod lejn aktar razzjonalizzazzjoni u standardizzazzjoni wara li
ssieħbet fl-UE, illum in-norma l-ġdida hi li jitbaxxew dejjem aktar
l-istandards.
Tabilħaqq,
sikwit ħafna, l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp jiġu approvati, għall-ġid
tal-applikanti u tal-interessi politiċi dominanti. Il-kwantità
tal-applikazzjonijiet tirbaħ fuq il-kwalità tagħhom, u dan iwassal
għall-industrijalizzazzjoni tal-permessi.
Il-parir
espert, inkluż dak minn sorsi interni, ta’ spiss jingħata anqas importanza
milli tingħata l-pressjoni politika. Mhux ta' b'xejn li l-esperti qed jitilqu
minn strutturi bħall-Awtorità tal-Ippjanar.
Madankollu,
hemm eċċezzjonijiet għal dan, u sikwit dawn ikunu kkaratterizzati minn
oppożizzjoni b'saħħitha mir-residenti, NGOs ambjentali, kunsilli lokali,
mill-inqas partit politiku ewlieni wieħed u rappurtar fil-mezzi tax-xandir.
Għaldaqstant,
il-proċessi Maltin ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet
għall-iżvilupp għandhom element politiku qawwi, bil-politiċi spiss jaġixxu
bħala intermedjarji jew intraprendituri favur jew kontra dawn il-proposti.
Il-pajsaġġi urbani u rurali joffru l-materja prima għal dawn
id-diskussjonijiet.
Relazzjonijiet
mill-qrib ma' intraprendituri politiċi għalhekk jistgħu jkunu investiment
tajjeb kemm għal dawk li jkunu qed jipproponu kif ukoll għal dawk li jkunu qed
jopponu proposti speċifiċi. Il-politiċi li jgawdu s-setgħa tal-kariga tagħhom għandhom
aktar riżorsi, iżda s-setgħa tagħhom qatt ma hi bla limitu, u huwa għalhekk li
jinfetħu twieqi ta' opportunità għall-oppożizzjoni.
L-applikazzjonijiet
għall-iżvilupp dejjem ser ikollhom implikazzjonijiet politiċi sa ċertu punt,
iżda nemmen li wasal iż-żmien li Malta tibda tieħu dawn il-proċessi tassew
bis-serjetà. Ma jkunx aħjar kieku l-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati
tkun strutturata aħjar u kieku l-ilħna tal-esperti jingħataw aktar importanza?
L-eżempju
Daniż li semmejt jipprovdi xi metodi li jistgħu jiġu kkunsidrati f'Malta.
Madankollu dawn ikunu jinvolvu s-sussidjarjetà, fejn il-kunsilli lokali
jingħataw aktar awtorità milli għandhom bħalissa, u fejn il-konsultazzjoni tkun
aktar organika u djaloġika, bl-involviment ta' partijiet ikkonċernati
differenti u medjazzjoni minn esperti fdati.
Xi
nies isaqsu x'inhi l-pożizzjoni tal-UE fi kwistjonijiet bħal dawn. Fil-biċċa
l-kbira tal-każijiet, Malta twettaq valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali fuq
proposti kbar għall-iżvilupp, u b'hekk tħares ir-rekwiżiti bażiċi tal-UE. Iżda
wasal iż-żmien li nħarsu lejn il-kwalità u mhux biss il-kwantità ta'
valutazzjonijiet bħal dawn, u wasal ukoll iż-żmien li nipproponu li l-impatt
kumulattiv tal-iżvilupp fuq skala żgħira kollu li qed isir jingħata aktar
importanza milli qed jingħata bħalissa.
Għal
din ir-raġuni Malta teħtieġ gvern iżgħar u inqas interferenza politika fit-teħid
tad-deċizzjonijiet dwar proposti ta’ żvilupp u soċjetà u kontribut espert ikbar
f'dan il-qasam. Ir-rwol tal-politiċi għandu jkun it-titjib u l-iskrutinju
tat-tfassil tal-politika fuq il-livell lokali, dak nazzjonali u dak Ewropew.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 29 ta' Lulju 2018