Saturday, July 14, 2018

Il-ġejjieni ta’ Manoel Island – Michael Briguglio




Ilni nsegwi l-pjan ta’ żvilupp ta’ Manoel Island minn tmiem id-disgħinijiet, meta ġew ippreżentati l-proposti oriġinali tal-MIDI.  Kuntrarju għall-proġett ta’ Tignè Point, dan l-iżvilupp qatt ma seħħ.  Sadanittant, bħal ħafna oħrajn, ittamajt li din il-gżira tinbidel fi spazju naturali u pubbliku qalb il-konċentrazzjoni ta’ żvilupp urban fl-inħawi tal-madwar, fosthom il-Gzira, Tas-Sliema, Ta’ Xbiex u l-Imsida.



Is-sena li għaddiet il-kunsill lokali tal-Gżira u l-għaqdiet non-governattivi (NGOs) immobilizzaw lin-nies b’rabta mas-sitwazzjoni f’Manoel Island.  Dan wassal għat-tfassil mill-ġdid ta’ master plan u l-iffirmar ta’ ftehim bejn il-kunsill lokali u l-NGOs dwar kif ser jittieħed ħsieb tal-gżira.  Jekk jitwettaq, dan ikun pass ’il quddiem mill-pjanijiet preċedenti, peress li l-pjan u l-ftehim jiddikjaraw li ser jitħarsu x-xtut, l-ispazji naturali u s-siti storiċi tal-madwar, u ser ikun hemm aċċess pubbliku għalihom.



MIDI sadanittant ressaq pjanijiet ġodda ta’ żvilupp, li jinkludu 600 appartament ġdid, lukanda f’Lazaretto, yacht marina, helipad, pjazez pubbliċi u ħwienet.  Skont l-iżviluppaturi ser ikun hemm 80,000 metru kwadru ta’ spazji naturali u u spazji pubbliċi rikreattivi għall-familji, kif ukoll ċentru tal-arti u l-kultura ġewwa Fort Manoel li ser ikun fih spazji għal wirjiet, mużewijiet, ħwienet u ristoranti.



Nittama li dawn ma jkunux replika ta’ xi proġetti ‘kulturali’ oħra f’Malta li sempliċiment spiċċaw biex ħolqu aktar katidrali ta’ konsum.



L-iżviluppaturi qed jikkunsidraw ukoll metodu ġdid biex jitnaqqas l-ammont ta’ skart mill-kostruzzjoni.  Qed jipproponu l-użu mill-ġdid ta’ madwar 121,000 metru kubu fuq is-sit innifsu, 67,000 metru kubu ieħor fi proġett ta’ riklamazzjoni tal-art, u r-rimi tal-100,000 metru kubu li jifdal fil-baħar, hekk kif approvat li jsir mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Dan tal-aħħar ser jinvolvi madwar 11-il trakk mgħobbi fis-siegħa għal 40 ġimgħa, f’żona fejn diġà jkun hemm konġestjoni tat-traffiku.



F’laqgħa miftuħa għall-pubbliku li saret dan l-aħħar, L-ERA u l-konsulenti tal-iżviluppaturi ppreżentaw is-sejbiet tar-Rapport dwar l-Impatt Ambjentali (EIA).  Il-laqgħa, li fiha ħadt sehem, kellha konkorrenza fqira mill-pubbliku, tant li kien hemm aktar uffiċċjali tal-ERA u konsulenti tal-iżviluppaturi milli kien hemm membri tal-pubbliku, li kienu jgħoddu biss madwar 15-il persuna.



Fil-laqgħa, li kienet ferm ċivili, kien hemm qbil ġenerali li minkejja n-nuqqasijiet, l-iżvilupp propost jimmarka pass ’il quddiem meta mqabbel ma’ pjanijiet preċedenti.  Madankollu, xorta għad fadal diversi punti ta’ tħassib li għandhom jiġu indirizzati. Per eżempju, skont l-EIA, hu stmat li sas-sena 2025 ser ikun hemm madwar 4,700 vjaġġ b’vetturi kuljum b’riżultat tal-proġett, u li dawn ser jiġu inkorporati f’total ta’ 39,000 vjaġġ max-xatt u fil-Gżira. Matul il-laqgħa, dawk preżenti semgħu kif dan ser jirriżulta f’żieda ta’ sebgħa fil-mija fit-tniġġis tal-arja, liema żieda hi ‘moderata’ skont l-EIA u kriterji internazzjonali.



Biex jagħmlu tajjeb għal dan, l-iżviluppaturi qed jipproponu pjan ta’ vvjaġġar ekoloġiku fuq Manoel Island.  Dan jinvolvi trasport bil-baħar, bir-roti, u b’ vetturi elettriċi fost l-oħrajn.  Biss il-mistoqsija ewlenija hi: dan il-pjan hu wieħed li jorbot, jew huwa biss parti minn lista ta’ xewqat?



Kwistjoni oħra importanti hi kif ser jgħaddi u jiċċirkola l-ilma fid-dawl ta’ proġetti ta’ riklamazzjoni fiż-żona.  Is-Sur Victor Axiak, President tal-ERA, kien issuġġerixxa pjan għaż-żona kollha biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm impatt negattiv fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-ilma. Sadanittant, ikollna nemmnu dak li qal il-konsulent tal-iżviluppaturi, jiġifieri li t-tħammil taħt il-pont ser iżid il-fluss u ċ-ċirkolazzjoni tal-ilma.


F’dak li għandu x’jaqsam mas-600 appartament imsemmija, huwa importanti li wieħed jiftakar li dawn ser ikunu jidhru mix-xatt tal-Gzira.  Wieħed jittama li d-disinn arkitettoniku tagħhom ser ikollu valur estetiku.



Sfortunatament dan il-proġett ta’ żvilupp hu eżentat mill-obbligu ta’ valutazzjoni tal-impatt soċjali. Ma nistax nifhem għal liema raġuni proġett ta’ dan id-daqs ma jikkwalifikax għal tali studju: rapport bħal dan joffri opportunità biex jiġu integrati t-tħassib u l-fehmiet tal-partijiet interessati dwar l-iżvilupp, bil-possibilità li dan jissarraf f’benefiċċju għal kulħadd permezz ta’ proċess ta’ żvilupp aktar inklużiv.



Lanqas ma nista’ nifhem għaliex l-Awtorità tal-Ippjanar mhijiex qed tinvestiga l-impatt kumulattiv tal-proġetti kollha ta’ żvilupp f’din iż-żona permezz ta’ viżjoni sostenibbli. Biss biex dan iseħħ hemm bżonn rieda politika u l-għoti ta’ rwol aktar proattiv lill-Awtorità, u dan kollu, għall-inqas għalissa, għadu mhuwiex qed isir.



     
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 15 ta' Lulju 2018