Picture: Freedom Dance - George Mullen, 1999 |
Għal diversi filosfi u soċjologi, il-libertà hi l-fattur
ewlieni li jimmotiva l-imġiba tal-bnedmin, iżda t-tifsira ta' din il-frażi trid
tiġi kkwalifikata. Nemmen li meta wieħed janalizza din il-kwistjoni, wieħed
għandu jsaqsi kif il-libertà ta' persuna waħda tista' tkun kompatibbli
mal-libertà tal-oħrajn.
Dan hu differenti mill-argument li l-libertà ta'
individwu għandha tirbaħ fuq kollox u li s-sistemi morali jibdluna f'entitajiet
passivi u doċili. Tabilħaqq, bosta argumenti għal libertà bla rażan sikwit
ikunu huma stess marbutin ma' sistemi morali: il-libertinaġġ huwa fih
innifsu twemmin. Għaldaqstant, libertarju huwa lsir ta' egoiżmu bla tmiem?
Il-perspettiva tiegħi dwar il-libertà hija differenti
wkoll mit-twemmin li l-ħajja hija biss taqbida bla waqfien biex wieħed isalva.
Tassew li lkoll ser immutu, u iva, xi wħud minna huma aktar b'saħħithom minn
oħrajn. Iżda persuna tista' tkun fiżikament aktar b'saħħitha mill-ġar tagħha
iżda psikoloġikament aktar dgħajfa biex tħabbat wiċċha mal-isfidi li tiltaqa'
magħhom. U daqskemm il-kompetizzjoni tista' tagħti inċentiv lil dak li jkun
biex itejjeb il-qagħda tiegħu, daqstant il-kooperazzjoni jista' jkollha
riżultati pożittivi. Nemmen li l-kuntest hu kruċjali f’dan ir-rigward.
Nemmen ukoll li ta' spiss il-libertà tista' tirriżulta
f'konsegwenzi mhux intenzjonati f'diversi direzzjonijiet, kemm pożittivi kif
ukoll negattivi. B'rabta ma dawn tal-aħħar, l-istorja turina li proġetti “grandjużi”
li wiegħdu l-liberazzjoni tal-umanità spiċċaw biex wasslu għall-oppost, fejn
sikwit spiċċaw biex daru għar-repressjoni, it-tfigħ il-ħabs jew il-qtil ta'
dawk li ddubitaw il-pjanijiet "liberi" tal-mexxejja
"illuminati" u l-veritajiet assoluti tagħhom.
Jekk immexxu l-ipoteżi tal-"konsegwenzi mhux
intenzjonati" għal Malta llum, nemmen li l-introduzzjoni mgħaġġla
mill-gvern ta' leġislazzjoni f'bosta oqsma jista' jkollha konsegwenzi mhux
intenzjonati li setgħu ġew evitati kieku l-proċess ta' tfassil ta' politika
kien iktar kawt u olistiku.
Kif inhuma l-affarijiet, it-tfassil ta' politika f'Malta
jista' jkun li qed ixaqleb iżżejjed lejn l-estrem tal-libertà mingħajr ma jqis
implikazzjonijiet bħas-sostenibbiltà u l-etika. Dan l-approċċ jista' jirbaħ
il-voti ta' dawk li jgawdu direttament, iżda jirrispetta l-ġejjieni u dawk li
jista' jkun ikollhom iħallsu l-prezz ta’ tfassil ta' politika bħal dan?
Naħseb li pajjiżna jeħtieġ li jikkwalifika l-perspettiva
tiegħu tal-libertà. Tista' titqies sostenibbli jekk tiġi rikonoxxuta bħala
dipendenti mil-libertà tal-oħrajn, u b'hekk tiġi rrikonċiljata
mar-responsabbiltà u l-interdipendenza. Idealment, l-Istat għandu jidher li
huwa l-entità li tagħti l-garanzija aħħarija tar-rikonċiljazzjoni tal-libertà
individwali mal-ġid komuni. Għaldaqstant, idealment il-lingwaġġ politiku
ma jikkonċentrax biss fuq il-libertà, iżda jenfasizza wkoll is-solidarjetà,
id-dinjità, ir-reċiproċità u r-responsabbiltà.
Minkejja dan l-argument, nagħraf li d-djalettika bejn
il-libertà u l-ġid komuni xi kultant diffiċli li tasal għal rikonċiljazzjoni.
Il-politiċi sikwit ikollhom biċċa xogħol iebsa biex jaqtgħu linja fit-tfassil
tal-politika, u din tiġi influwenzata wkoll mill-interessi konfliġġenti ta’
lobbies differenti. Il-biża’ tiegħi hi li l-gvern bħalissa qed jikkonċentra
wisq fuq id-denominatur komuni l-iżjed baxx fi ħdan iċ-ċiklu elettorali.
Barra minn hekk, il-libertà minna nfisha tista’ tkun
kunċett ambigwu. Ta’ spiss ikollna nagħmlu għażliet u ngħixu bihom fit-tajjeb u
l-ħażin. Nistgħu ma nkunux ċerti dwar ir-riżultati tad-deċiżjonijiet tagħna, u
dan parzjalment jispjega l-ansjetà akbar ta’ żminijietna.
Kif darba qal Eckhart Tolle, sikwit niskopru li l-ħajja
hi aktar avventura milli vjaġġ ippjanat: u li nippruvaw naħarbu mil-libertà u
r-responsabbiltà jista’ jitqies “twemmin ħażin”, kif darba saħaq Jean Paul
Sartre.
F’dan, jien ningħaqad ma’ Zygmunt Bauman fit-twemmin li
qatt ma jista’ jkun hemm tweġiba finali għad-djalettika bejn il-libertà u l-ġid
komuni. Dak li għandna nagħmlu hu li nevitaw assolutiżmi ideoloġiċi u minflok
ninvestu f’soċjetà li taħseb u tirrifletti.
L-għanijiet ta’ soċjetà bħal din ikunu li kull wieħed u
waħda minna jkollha l-ħila tħabbat wiċċha mal-ħajja ta’ kuljum u li niġbru
r-riżorsi tagħna biex ngħinu biex tiġi garantita ħajja deċenti. L-ewwel għan
jitlob aktar investiment f’oqsma bħax-xjenzi umanistiċi, l-etika u
l-psikoloġija; it-tieni għan jitlob sistema ta’ sigurtà soċjali li tħares lil
hinn miċ-ċikli elettorali.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 22 ta' Lulju 2018