Fenomenu li ninnota tas-spiss fl-isfera pubblika tas-soċjeta' tagħna hi li, jkun hemm min jaqbad u jipproduċi jew jirriproduċi allegazzjonijiet dwar xi kwistjoni, jippreżentahom qishom xi vanġelu, u l-kwistjoni malajr tiġi popolariżżata jew saħansitra 'deċiża' fuq il-media soċjali.
M'hemmx xi ngħidu, dawn il-ħabbara narċisisti u sensazzjonalisti jiddependu fuq il-likes, voti, sponsors, jew x'naf jien biex l-istorja tagħhom tinbiegħ. Iktar ma' l-aħbar tinxtered malajr, iktar igawdu: Tellieqa ta' sensazzjonaliżmu fieraħ, u nies iweġġgħu fil-proċess. Addio etika, addio evidenza, u addio li jisimgħu ilħna oħra, ma jmurx tixxellef in-narrattiva.
Minn naħa l-oħra hemm min janaliżża l-istess kwistjonijiet bir-reqqa, bil-metodoloġiji appropriji, u bl-etika. Dan jieħu ż-żmien u jeħtieġ ir-riżorsi, il-paċenzja u l-oġġettivita'. Biex nagħti eżempju, rapport ta' l-Awditur Ġenerali idum ferm iktar biex jiġi finaliżżat minn xi qlajja jew kontroversja fuq il-media soċjali.
Qed nibbanaliżżaw it-tagħrif u l-komunikazzjoni. Il-liberta' ta' l-espressjoni għandha tkun akkumpanjata minn sens ta' responsabilita' u sens ta' proporzjon. Deliberation, not clickbait.