It-terremot tal-bieraħ m'għandux iħallina niġru bl-emozzjonijiet, fejn inħallu t-tribaliżmu joqtol id-deliberazzjoni. Speċjalment jekk irridu politika ħielsa mill-korruzzjoni.
F'demokrazija huwa naturali li jkun hemm pressjoni għall-ġustizzja u governanza tajba. Huwa sinjal tajjeb ukoll li l-isituzzjonijiet legali jidher li qed jagħmlu xogħolhom. Huma l-qrati li għandhom jiddeċiedu dwar dawn il-kwistjonijiet, permezz tal-proċess legali, u mhux il-likes fuq il-Facebook.
F'dak li għandu x'jaqsam mal-proċess politiku, ikun tassew utli jekk ikun hemm qbil bejn in-naħat kollha dwar finanzjament trasparenti u kontabbli, dwar meritokrazija u mhux partitokrazija, dwar rispett lejn l-avversarju u mhux mibgħeda, u dwar teħid tad-deċiżżjonijiet b'mod li ma jiddependix mill-interessi li jiddettaw minn wara l-kwinti (u xi kultant apertament ukoll). Tajjeb ukoll li l-elezzjonijiet ma jkunux tellieqa ta' min iwiegħed l-iktar anke meta dan imur kontra l-ġid komuni.