Xi gażżetti irrapurtaw li hemm proposta ta' Louis Galea sabiex il-Partit Nazzjonalista ibiddel ismu għall-Partit Nazzjonali tal-Poplu.
Jekk dan huwa minnu, l-appell tiegħi hu li jkun hemm proċess strutturat u wiesgħa ta' deliberazzjoni.
Proċess fejn ikun hemm spazju fejn jiġu spjegati il-pożizzjonijiet, u fejn wieħed ikollu l-opportunita' li jisma' qabel ma jasal għall-konklużżjoni. Għax fil-politika, li tisma' u tgħarbel huwa importanti daqs li titkellem. Speċjalment f'kuntest fejn faċli tfajjar l-opinjonijiet fuq il-media soċjali.
It-tesserati anzjani, żgħażagħ, politiċi, attivisti, dawk li jaħdmu wara l-kwinti, esperti, veterani u dawk li ssieħbu iktar riċentament kollha għandhom rwol importanti fil-proċess ta' deliberazzjoni.
Partit m'hu propjeta' ta' ħadd ħlief tat-tesserati tiegħu, u biex ikun elett fil-gvern jeħtieġ koalizzjoni wiesgħa soċjali ma' forzi, gruppi u votanti lil'hinn mil-partit. Inkluż dawk li għandhom inqas preżenza fil-media soċjali.
Għalhekk, jekk kemm il-darba ikun hemm proposta dwar l-isem, kemm id-demokrazija tal-partit kif ukoll dik tal-pajjiż għandhom jingħataw l-importanza meħtieġa.