Monday, November 06, 2017

Muscat Negattiv - Michael Briguglio


Il-Mument 6 ta' Novembru 2017

Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat ghandu habta jghid li min ma jaqbilx mieghu huwa negattiv.

Hekk jaghmel meta l-media li m’hijiex ikkontrollata mil-Partit Laburista tirraporta dwar kazijet cari ta’ koruzzjoni u governanza hazina.

Hekk jaghmel meta’ ghaqdiet mhux governattivi iqajmu kwistjonijiet relatati mal-faqar, l-ambjent u l-prekarjat.

Hekk jaghmel meta s-socjeta’ civili tinghaqqad u titkellem b’mod car dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, dwar il-Panama Papers, dwar il-krizi ta’ l-istituzzjonijiet.

U hekk jaghmel meta deputati parlamentari ta’ l-oppozizzjoni jezercitaw id-dritt u d-dmir taghhom li jiskrutinaw l-operat tal-Gvern.

Izda kif kien spjega tajjeb Mark A. Sammut fil-ktieb L-Aqwa fl-Ewropa. Il-Panama Papers u l-Poter (2016), Joseph Muscat ta’ spiss juza tattika biex jizgwidana minn dak li jkun verament ghaddej. Jurina z’qed taghmel l-id il-leminija izda jahbi l-id ix-xellugija.

Joseph Muscat juza l-lingwagg ta’ ‘tkunx negattiv’ biex jitfa l-attenzjoni fuq l-avversarju politiku minflok fuqu nnifsu bhala kap tal-Gvern.

Il-Prim Ministru gieli jipprova jizgwidana iktar billi jipproponi mizuri godda fl-eqqel ta’ krizi politika. Mhux ta’ b’xejn li l-Gvern jiffoka fuq press conferences dwar materji li ma jkollhom x’jaqsmu xejn mal-krizi istituzzjonali.

Fl-eqqel tal-Panama Papers u fl-eqqel ta’ l-inkubu relatat mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Gvern ta’ Muscat tarah jipproponi u jintroduci mizuri relatati mal-pensjonijiet, id-dizabilita’, il-liberatijiet civili u elf haga ohra.

F’dan il-kuntest jehtieg li ma nhallux lill-Prim Ministru juza r-riforma kostituzzjonali biex jizgwidana.

Halli nkun car : Pajjizna jehtieg riforma kostituzzjonali. Jehtieg li l-hatriet importanti ikollhom kunsens u fiducja wiesgha. Jehtieg li pajjizna ikollu gvern izghar u socjeta’ ikbar. Jehtieg li pajjizna ikollu iktar poteri dicentralizzati u inqas Ministri li jahtfu hafna poteri taht idejhom.

Izda jehtieg ukoll li Joseph Muscat jiehu decizzjonijet urgenti sabiex pajjizna jaffronta l-inkubu relatat mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ma kwistjonijiet bhall-Panama Papers.

Qabel mal-Prim Ministru inehhi l-Avukat Generali u l-Kummissarju tal-Pulizija, difficli jkun hawn fiducja f’dawn l-istituzzjonijiet rispettivi. U jehtieg ukoll li l-Prim Ministru jaqbel ma’ l-oppozizzjoni u s-socjeta’ civili u jizgura li jkun hemm kunsens wiesgha ghall-hatra ta’ avukat generali u kummissarji tal-pulizija godda. Dan jista’ jsir b’approvazzjoni ta’ zewg terzi tal-Parlament.

Joseph Muscat ghandu opportunita’ li ma jibqax ikun negattiv dwar riforma urgenti f’dawn l-istituzzjonijiet. X’qed iwaqqfu milli jaghmel dan ?