Monday, August 27, 2018

Q & A mal-gażżetta Illum





Din l-intervista deheret fl-Illum, 26 ta' Awwissu 2018

Il-Partit Nazzjonalista bħalissa jinsab ‘on a low’ wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant filwaqt li l-PN jinsab maqsum. Ma taħsibx li din is-sitwazzjoni mhix tajba għall-pajjiż? Ma taħsibx li sitwazzjoni ta’ Gvern mingħajr opppożizzjoni b’saħħitha hija ta’ detriment għal pajjiżna?


Biex l-oppożizzjoni tkun b’saħħitha jeħtieġ li tkun viċin in-nies u li tkun maqgħuda internament. Dwar ta’ l-ewwel, il-Partit qiegħed kontinwament jagħmel outreach lejn is-soċjeta’, fejn qiegħed jisma iktar milli jippriedka. Dwar tat-tieni, jeħtieġ li kulħadd jirrispetta d-demokrazija u d-diversita’ interna. Fl-istutturi tal-partit din teżisti, u jeħtieġ li kull min hu attiv jirrispetaha.

Diversi nies, sezzjoni li qed tikber, tħoss li l-ambjent jinsab taħt attakk speċjalment mill-industrija tal-kostruzzjoni. Dawn in-nies għalfejn għandhom jagħżlu lill-PN? Il-PN x’qed joffri differenti mill-PL? Kif se tikkonvinċi lil dawn in-nies li l-PN jimpurtah mill-wirt naturali ta’ pajjiżna, iktar mill-PL?


Preżentament l-ambjent hija waħda mill-prioritajiet fil-PN, u flimkien mat-tmexxija jien qiegħed naħdem ħafna f’dan ir-rigward. Filwaqt li il-PL qiegħed joffri politika li tkabbar l-ekonomija llum b’danni ambjentali kbar u b’nuqqas ta’ rispett lejn il-futur, il-PN jemmen li għandna nkabbru l-ekonomija b’mod iktar ippjanat u sostenibbli. L-uniku alternattiva parlamentari għall-politika tal-PL hija dik tal-PN, u bil-fatti ser nuru l-pjanijiet tagħna sabiex il-poplu jkun jista’ jiġġudika.
Inti kont tmexxi l-Alternattiva Demokratika u illum timmilità fil-PN. Kieku int ma kontx Michael Briguglio imma persuna oħra, kont tivvutalu lil Michael Briguglio jew kont tagħżel lil xi ħadd li dejjem kien Nazzjonalist? Għaliex iva/le?

Lil Michael Briguglio kont nivvutalu għaliex bħala MEP ser ikun attiv kemm f’Malta kif ukoll f’Brussel sabiex ikun viċin il-Maltin u verament jirrapreżentahom fil-Parlament Ewropew. Kont nivvutalu għax juri kif tista’ tkun ħolqa bejn in-nies, is-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet u l-Unjoni Ewropea. F’dawn l-aħħar 25 sena kien attiv b’rieda tajba, b’mod integru u konsistenti fis-soċjeta’ ċivili u l-politika.  Matul dawn is-snin wera li leħen is-soċjetà ċivili jista' jkun b'saħħtu u qawwi. Kien attiv f'bosta kampanji li rnexxew, bħal dawk għas-sħubija fl-UE, kwistjonijiet relatati mal-ħarsien tal-ambjent, drittijiet ċivili bħad-divorzju u l-istipendji tal-istudenti kif ukoll kwistjonijiet lokali fir-rwol tiegħu ta' kunsillier lokali mill-2003. Tkellem dwar issues bħall-governanza tajba, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-pensjonanti u d-drittijiet tar-residenti. Kont nivvutalu għax jgħidha kif inhi u ma’ jħallix il-partiġġjaniżmu jtappanlu l-veduti tiegħu. Li hu iswed jgħidlu iswed u li hu abjad jgħidlu abjad. Kont nivvutalu għax jirrapreżenta l-valuri tas-solidarjetà, il-ġustizzja, id-dinjità u s-sostenibbiltà. Fuq kollox qatt ma kien baħri tal-bnazzi, u dejjem leħħen it-tħassib tan-nies b'mod sensibbli.

Numru ta’ Nazzjonalisti (inċidentalment ħafna minn Tas Sliema u ż-żona) ma jridux jafu b’Adrian Delia. Kemm qed tiltaqa’ ma’ dawn il-votanti? Imma dawn għandhom raġun?


Iva niltaqa’ ma votanti b’din l-opinjoni u dejjem nisma’ dak li għandhom x’jgħidu. Nemmen li permezz ta’ djalogu, rieda tajba u rispett lejn il-proċess demokratiku nistgħu inkunu maqgħudin. Qed niltaqa’ ukoll ma’ oħrajn madwar Malta li għandhom inqas vuċi fil-media iżda li fil-kwiet jiftħu qalbhom dwar x’jaħsbu dwar il-Partit Nazzjonalista u li qed japprezzaw kif Adrian Delia qed imur għandhom biex jisma’.  
Tidħol għand familja Nazzjonalista biż-żewġ membri jkunu nisa, li issa grazzi għall-bidliet li daħħal dan il-Gvern fil-liġi tal-IVF se jkollhom ċans isiru ġenituri. Kif se tikkonvinċiehom li l-PN għamel sew li vvota kontra?


Il-PN kien il-partit li daħħal l-IVF. Il-PN ried iktar konsultazzjoni wiesgħa sabiex it-tibdil fil-liġi ikun iktar bil-għaqal u bbażat fuq evidenza.  
Tidħol għand familja tan-neozju. In-negozju sejjer tajjeb u qed jikru appartament, b’kirja tajba ħafna. Qegħdin komdi, iktar milli kienu. Għalfejn għandhom jappoġġjaw lill-PN dawn?


Il-PN kien il-partit li daħħal is-suq tal-kera, u l-partit jappoġġja lil min jaqla l-flus b’mod onest. Fl-istess ħin il-PN irid jgħin lil min mhux jaffordja l-kirjiet. Dan jista’ jsir mingħajr ma tixxekkel ir-rota ekonomika u d-dħul ta’ min jikri.
Tidħol f’dar ta’ kaċċatur jew nassab u jgħidlek ‘jien x’nivvota nagħmel jekk il-kaċċa dejjem taħt attakk mill-UE?’ X’se tgħidlu biex tikkonvinċieh?


Inkun onest dwar il-politika Ewropea u ngħidlu li l-PN huwa partit li jirrispetta l-liġi, id-demokrazija u l-vuċijiet varji fis-soċjeta’ Maltija inkluż tal-kaċċaturi u n-nassaba u ta’ dawk li jixtiequ jgawdu l-għasafar fl-ambjent naturali tagħhom. Il-PN ma jridx jidhak bin-nies.  
Tidħol għand koppja pensjonanti u jgħidulek ‘inti trid tkun elett MEP biex issir sinjurun u tgawdi minn benefiċċji kbar u lussu’. X’tgħidilhom?


Ngħidilhom li ħafna liġijiet li jiġu addottati Malta, mill-kwalita’ ta’ l-ikel sal-prezzijiet tal-mobile jiġu diskussi fil-Parlament Ewropew, li għandu saħħa legali u politika kbira f’dan ir-rigward. Ngħidilhom ukoll li jien mhux ser inkun magħluq f’xi uffiċju iżda li ser naqsam il-ħin tiegħi bejn Malta u Brussell, kif inhu mistenni minn MEP serju, biex b’hekk inkun il-vuċi tal-Maltin u dejjem viċin in-nies. Bħala soċjologu u kunsillier lokali konxju ħafna dwar ir-realtajiet tal-pensjonanti, frekwentament naħdem favur id-drittijiet tagħhom u kuljum niltaqa’ ma’ bosta pensjonanti.